“Qed Insejjaħ Lill Kull Min Irid Jagħmel Ġid Lill-Pajjiżu Sabiex Jersaq Lejn Il-PN” – Bernard Grech
F’kollegament telefoniku dalgħodu fuq Net FM il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech esprima s-sodisfazzjon wara li l-bieraħ kellu l-opportunita li jerġa’ jindirizza lil pubbliku f’attività politika fil-miftuħ li tat bidu għal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li mistenni jagħlaq is-Sibt li ġej.
Bernard Grech qal li l-partit qed ikompli jibni fuq it-tajjeb li sar qabel u huwa fl-interess tagħna lkoll li naraw li pajjiżna jerġa’ jikseb il-fiduċja u l-kredibilita’ li tilef minħabba Gvern Laburista.
“Qed insejjaħ lill kull min irid jagħmel ġid lill-pajjiżu sabiex jersaq lejn il-Partit Nazzjonalista biex flimkien nagħmlu il-ġid lill-pajjiż. Għandna lkoll id-dmir li nagħmlu dan” tenna dan Bernard Grech.
Meta ġie mistoqsi rigward il-pandemija tal-Covid-19, Bernard Grech qal li huma diversi dawk li jinsabu rrabbjati minħabba dak li qed jagħmel il-Gvern. Qal li dan huwa Gvern ta’ jew nejj jew maħruq u Gvern bla pjan li ma jismax mill-esperti.
Rigward il-greylisting mill-FATF, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li isem Malta ċċappas quddiem pajjiżi oħrajn fl-Ewropa kif ukoll ċappas il-bandiera bajda u ħamra, il-bandiera Maltija.
Fl-aħħar net ġie mistoqsi dwar is-survey li ġie ppubblikat illum, fejn Bernard Grech qal li dan ser ikompli jagħmel aktar kuraġġ lil Partit Nazzjonalista sabiex ikompli jissaħħaħ u jiġġedded.