Raġel Ta’ 44 Sena Maqtul Fil-Mellieħa
Il-Pulizija qiegħda tinvestiga omiċidju li seħħ kmieni dalgħodu, fejn Filippin ta’ 44 sena li joqgħod il-Mellieħa nstab mejjet wara li allegatament qala’ daqqiet ta’ sikkina.
Kienu għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu (0045hrs) xħin mara talbet għall-għajnuna talPulizija u qalet li qiegħda tistennihom fi Triq il-Kbira, Mellieħa. Fuq il-post indikat marru l-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fejn hija allegat li kellha argument ma’ raġel u li kellha wkoll xi feriti, madankollu hija ma ndikatx fejn seħħ l-argument. Għaldaqstant hija ngħata l-kura u wara ttieħdet il-Kwartieri tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.
Kienu għal ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu (0400hrs), meta l-mara qalet lill-Pulizija li l-argument seħħ f’residenza fi Triq il-Fortizza, Mellieħa u ntużat sikkina. Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija tad-Distrett fejn sabu lir-raġel mixħut wiċċu ’l isfel fil-kċina, mgħotti bl-liżar.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei fejn ta l-assistenza, iżda r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-vittma kellu daqqa ta’ sikkina f’sidru u f’għonqu. Il-Pulizija elevat ukoll żewġ skieken li allegatament intużaw. Dwar dan il-każ, il-Pulizija arrestat il-mara, li hija Filippina ta’ 44 sena u s-suspettata li wettqet dan l-omiċidju.
Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omicidji fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, waqt li l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ħatret Inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Kreditu : Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.