Reati Żgħar Ser Jibdew Jinstemgħu Mill-Kummissarji Għall-Ġustizzja

Il-Kummissarji għall-Ġustizzja issa għandhom il-poter illi jibdew jippresjedu wkoll fuq seduti li huma kkunsidrati bħala ksur ta’ liġi minuri, liema kontravenzjonijiet jaffettwaw l-paċi pubblika, persuni oħra, u/jew proprjetà ta’ ħaddieħor.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis spjega li, storikament, dan il-proċess ta’ dipenalizazzjoni beda erbgħin sena ilu hekk kif inħass il-bżonn li tinħoloq sistema biex jiġu mismugħha każi ta’ impatt żgħir. Din il-ħtieġa kienet inħasset hekk kif id-dipenalizazzjoni t’offiżi f’Malta bdew jiġu klassifikati bħala offiżi amministrattivi u mhux kriminali.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li “iIllum, din l-inizjattiva qed tassigura li l-Qrati tal-Ġustizzja ma jkunux mgħobbija b’każi li jistgħu jiġu faċilment mismugħha u maqtugħha mill-Kummissarji tal-Ġustizzja. B’hekk, il-Qrati tal-Maġistrati, jiffokaw aktar fuq ir-reati kriminali l-aktar serji u jinstemgħu fi żmien raġjonevoli u b’aktar effiċjenza.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi li daħħal fid-dettall tal-emendi mħabbra u x-xogħol importanti li twettaq biex il-Gvern wasal għal dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Ritratti: DOI