Residenti Ta’ Marsaskala U L-Moviment Graffitti Jieħdu D-Deċiżjoni Dwar Il-Pitch Tal-Waterpolo L-Qorti
Diversi residenti ta’ Marsaskala flimkien mal-Moviment Graffitti ħadu l-qorti d-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) biex jinbena pitch tal-waterpolo, clubhouse u ristorant f’Marsaskala. Dan ġie konfermat fi stqarrija fejn il-Graffitti qalu li l-iżvilupp se jkun jinvolvi skavar estensiv ta’ qiegħ il-baħar u dredging, u se jkun qed jillimita l-aċċess u t-tgawdija tal-kosta mill-pubbliku u joħloq ħafna inkonvenjent bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ żona residenzjali.
Fil-każ tagħhom quddiem il-qorti, l-appellanti qed jgħidu li t-Tribunal ma kkunsidrax b’mod ġust l-argumenti tagħhom kontra d-deċiżjoni tal-Bord li approvat dan l-iżvilupp. Huma saħqu li l-Pjan Lokali jelenka t-tipi ta’ żvilupp li huwa permess fl-akkwati, u pitch tal-waterpolo mhux wieħed minnhom. Tennew li l-bini ta’ struttura enormi fil-bajja ta’ Marsaskala se tkun ukoll qed tikser ir-regoli tal-iSPED dwar l-estetika u l-aċċess tal-pubbliku għall-kosta.
Ir-residenti u l-Moviment Graffitti qalu wkoll li l-ħsara li se tkun qed tagħmel din l-istruttura ma tistax tkun ġustifikata fuq bażi tal-benefiċċji li se jkollha, speċjalment meta tqis li dan il-pitch se jkun qed jintuża biss fix-xhur tas-sajf. Meded tal-Posidonja u tipi oħra ta’ flora protetti se jinqerdu għal kollox, u pjattaforma enormi tal-konkrit fil-bajja ċkejkna ta’ Marsaskala żgur li m’hemmx postha. Il-proġett se jkun ukoll qed iżid it-traffiku u t-tniġġis mill-istorbju f’żona diġà kkonġestjonata.
Barra minn hekk, l-appellanti qegħdin jgħidu li t-Tribunal tal-Ippjanar kisrilhom id-dritt ta’ smigħ ġust u l-prinċipju tal-ġustizzja naturali meta ċ-Chairperson tiegħu, Dr Joseph Borg, naqas milli jirrikuża ruħu mingħajr ebda spjegazzjoni, minkejja li huwa impjegat mal-parti l-oħra fil-każ, l-Awtorità tal-Ippjanar.