Riżultati Pożittivi Għall-Atleti Maltin Elite Fil-Meeting Internazzjonali EAP li sar f’Malta

 Riżultati Pożittivi Għall-Atleti Maltin Elite Fil-Meeting Internazzjonali EAP li sar f’Malta

Is-sajf impenjattiv tal-atletika Maltija kompla fi tmiem il-ġimgħa bl-organizzazzjoni ta’ meeting internazzjonali EAP minn Pembroke Athleta, bl-appoġġ ta’ Athletics Malta. Minkejja avversarji ta’ livell għoli, l-atleti Maltin kisbu riżultati prestiġjużi, inkluż numru ta’ rebħiet, rekord nazzjonali, sitt rekords tal-etajiet varji, u 13-il rekord tal-EAP Malta.

Il-Meetings tal-EAP jattiraw numru ta’ atleti minn madwar il-kontinent, u filwaqt li madwar 30 atleta barrani vjaġġaw lejn Malta biex jieħdu sehem, 55 oħrajn kellhom jikkanċellaw fl-aħħar mumenti wara l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq l-ivvjaġġar lejn pajjiżna.

Daniel Saliba (Pembroke) kiser ir-Rekord Nazzjonali fil-110m hurdles meta daħal f’ħin ta’ 14.69s, u spiċċa t-tieni. Din kienet ir-raba’ darba li kiser ir-rekord nazzjonali din is-sena.

Claire Azzopardi (Pembroke), ħadet sehem fi tliet avvenimenti u rebħet midalji fil-qbiż, b’seasonal best ta’ 12.83m fit-triple jump, fejn rebħet id-deheb u t-tieni fil-long jump, fejn reġgħet qabżet aktar minn 6 metri (6.01m). Hija spiċċat il-ħames fil-100m b’ġirja ta’ 12.07s.

Suċċess ukoll għal Steve Camilleri (Pembroke) li ftit jiem wara li kien ikkonfermat Champion Nazzjonali kiser l-aqwa ħin personali qatt miksub minnu wara seba’ snin b’ħin ta’ 10.62s fil-kwalifiki u 10.73s fil-finali, fejn spiċċa t-tielet. Għal Camilleri dan kien ir-raba’ l-aktar ħin veloċi qatt miksub minn atleta Malti fuq din id-distanza. Fost it-tfajliet, Sarah Busuttil, ukoll friska mit-titlu nazzjonali, niżlet għal darb’oħra taħt it-12-il sekonda b’ħin ta’ 11.97s fil-kwalifiki u spiċċat ir-raba’ fil-finali.

Minkejja li Ian Grech (Pembroke) kien iffukat fuq l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment, irnexxilu jaqbeż 14.97m fit-triple jump, biex b’hekk rebaħ din il-kompetizzjoni, ġimgħa wara li rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali.

Matthew Galea Soler (La Salle) kiser ir-rekord tal-400m ta’ taħt is-16-il sena, b’ħin promettenti ta’ 51.37s. Il-ħin preċedenti, ta’ 51.53s, kien stabbilit 11-il sena qabel. Huwa wettaq doppjetta meta rebaħ ukoll it-800m f’tellieqa kumbattuta ma’ Isaac Bonnici (Rush). Fost il-kbar, Christian Chetcuti (Pembroke) ikkonferma s-saħħa tiegħu fuq it-800m distance b’rebħa konvinċenti b’ħin ta’ 1.54.87 minkejja r-riħ qawwi, ħin li fisser rekord għall-EAP Malta.

Intant, kompla mument maġiku għal Dillon Cassar (Mellieha AC), meta rebaħ it-tellieqa tal-5,000 metru 14’35”4, anke hawn, rekord għall-kompetizzjonijiet EAP f’Malta.

 

Ritratt: Angie Conti

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com