Sant Jitkellem Fil-PE – Astjena Fil-Vot Minħabba Tentattiv Biex Malta Tkun Imbarazzata F’Rapport

 Sant Jitkellem Fil-PE – Astjena Fil-Vot Minħabba Tentattiv Biex Malta Tkun Imbarazzata F’Rapport

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tista’ tinkiseb biss permezz ta’ trasparenza u mekkaniżmi effettivi kontra l-frodi, speċjalment fejn jidħlu xogħlijiet ta’ infrastruttura ffinanzjati minn fondi tal-UE, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew.

Meta kien qed jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant esprima appoġġ sħiħ għall-prinċipji li jinsabu f’rapport dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE li skonthom l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea għandhom responsabbiltà kondiviża biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Malta tissemma darbtejn fir-rapport.

Min-naħa l-oħra, Alfred Sant oppona bil-qawwa l-mod kif inħolqu partijiet mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. F’tentattiv biex Malta tkun imbarazzata, kienet msemmija li naqset milli taħtar il-prosekutur tagħha fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

L-UPPE huwa uffiċċju ta’ prosekuzzjoni indipendenti u deċentralizzat tal-Unjoni Ewropea, bil-kompetenza li jinvestiga, jipproċedi u jwassal għal ġudizzju reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzjoni u abbużi fil-VAT madwar l-Unjoni Ewropea.

“Dawk li kitbu l-abbozz kienu jafu li d-dewmien fl-isem ta’ prosekutur kien minħabba li ma’ nstabitx persuna xierqa wara t-tnedija f’waqtha ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet, li mbagħad reġgħet saret. Huma kienu jafu li l-problema kienet finalment solvuta. Li tipprova tipproġetta dan bħala att intenzjonat li kellu bżonn jissemma biex jimbarazza lil Malta mhuwiex denju ta’ din l-istituzzjoni u rrid nirreġistra l-protesta tiegħi kontra l-mod mgħawweġ ta’ kif qed jitmexxa x-xogħol ta’ din il-Kamra”, qal Alfred Sant lill-Parlament Ewropew

Għal din ir-raġuni, Alfred Sant qal li astjena fil-vot u spjega li kien jivvota kontra r-riżoluzzjoni iżda din setgħet għal darb’oħra tkun intenzjonalment interpretata ħażin bħala vot kontra l-prinċipji li għandhom jiġu segwiti biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com