Skontijiet Fuq Servizzi Tal-Internet Meta Tuża L-Kartanzjan
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-bieraħ ġie iffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kumpanija GO. Permezz ta’ dan il-ftehim anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u li jgħixu fil-komunità, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn offerti ġodda fuq servizzi tal-internet meta jużaw il-Kartanzjan.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Dr. Michael Farrugia, li kien preżenti għal dan l-iffirmar, qal li hemm madwar 120,000 anzjan li jistgħu jibbenefikaw minn dan ir-roħs.
Huwa qal li l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li anzjani jiġu mħeġġa jużaw metodi differenti ta’ teknoloġija biex jikkomunikaw u jżommu ruħhom attivi fil-komunità.
Il-Ministru Michael Farrugia fakkar fl-iskema tal-Kartanzjan fejn anzjani li għandhom iżjed minn 60 sena jistgħu jibbenefikaw minn numru ta’ skontijiet minn ħwienet differenti madwar Malta u Għawdex. Fil-preżent, 60 kumpanija u 114 negozju jagħmlu parti minn din l-iskema tal-Kartanzjan.
Il-Ministru qal ukoll li l-espressjoni ta’ interess għadha miftuħa għan-negozji, intrapriżi u kumpaniji li huma interessati biex ikunu parti minn din l-iskema.
Permezz ta’ dan il-ftehim, anzjani li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Maltija se jkollhom tnaqqis, li jvarja bejn is-17% u 22%, fil-prezz tal-internet.
Iċ-Chief Commercial Officer tal-kumpanija GO Antonio Ivankovic spjega li anzjani jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fuq il-prezz fuq Home Internet u TV package li jinkludi aktar minn 10,000 siegħa ta’ films u series għal prezz imraħħas ta’ €30 fix-xahar minn €35.99.
Anzjani li jixtiequ jibbenefikaw minn offerti fuq internet barra mid-dar jistgħu jagħżlu l-Mobile Internet Service fejn se jkollhom tnaqqis fil-prezz minn €24.99 għal €19.99 fix-xahar (għall-anzjani li m’għandhomx il-Home Pack Community), filwaqt dawk l-anzjani li għandhom il-Home Pack se jkollhom tnaqqis fil-prezz minn €22.99 għal €17.99 fix-xahar.
Anzjani li jixtiequ jaraw l-offerti u skontijiet tal-iskema Kartanzjan jistgħu jaċċessaw is-sit www.activeageing.gov.mt.