Stħarriġ Juri li Maġġoranza Kbira Tal-Poplu Ma Tax Każ Li L-Festa Tar-Raħal Ma Saritx

 Stħarriġ Juri li Maġġoranza Kbira Tal-Poplu Ma Tax Każ Li L-Festa Tar-Raħal Ma Saritx

Studju li sar mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta matul il-pandemija tal-COVID-19 juri diversi realtajiet tal-poplu Malti. Jidher li l-pandemija żiedet ir-reliġjożità u ħafna nies fittxew li jitolbu kif ukoll li jsegwu talb jew quddies online. Però xorta jgħidu li ħassew in-nuqqas li jmorru fiżikament il-knisja.

Ir-Rev. Professur Paul Galea, wieħed mill-awturi tal-istudju, sejjaħ ir-riċerka bħala ħarsa lejn il-mod kif il-komunità lokali ġabet ruħha u kampat f’sitwazzjoni bla preċedenti.

Il-Professur Adrian-Mario Gellel osserva li d-data miġbura tikkonferma l-qasma li hemm fil-livell ta’ sekularizzazzjoni bejn il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa, jiġifieri dawk taħt it-30 sena, u l-bqija tal-popolazzjoni.

Il-Professur Nadia Delicata, Delegata tal-Arċisqof għall-Evanġelizzazzjoni u membru tal-Fakultà tat-Teoloġija, u li l-qasam ta’ riċerka ewlieni tagħha huwa l-Kristjaniżmu f’kultura diġitali, irrimarkat li huwa sinjal ta’ tama l-fatt li Kattoliċi lokali rnexxielhom jifhmu li l-“qima”, speċifikament is-sagramenti, tirrikjedi preżenza aktar sħiħa f’komunità. Madankollu, bħalma jenfasizza l-pjan pastorali tal-Arċidjoċesi, li ġie ppromulgat propju fi żmien il-pandemija, il-Knisja għandha d-dmir li tinkoraġġixxi inkontri sinifikanti fl-ispazji kollha possibbli, inklużi spazji diġitali.

Fost il-punti li ħarġu min dan lis-stħarriġ insibu li l-maġġoranza ta’ dawk ta’ ’l fuq minn 30 sena qalu li sabu li sors ta’ faraġ fit-talb. Qalu wkoll li ma jaħsbux li l-knejjes u l-qima pubblika saru xi ħaġa li tgħaddi mingħajrha, u għadhom jaraw il-knejjes marbuta mal-identità reliġjuża tagħhom.

Ħinijiet itwal fid-dar wasslu wkoll biex ħafna jiskopru, jew jiskopru mill-ġdid, il-ħajja u r-ritwali fil-familja, li jilgħabu u jaraw it-televixin flimkien, u forsi l-aktar importanti, li jieħdu gost jieklu flimkien.

Il-maġġoranza kbira ħafna ta’ dawk li wieġbu qablu wkoll mar-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Knisja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ laqgħat reliġjużi, u kważi 89% qalu li ma qablu mad-deċiżjoni li ma saritx il-festa tar-raħal tagħhom.

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qalu li mmissjaw il-preżenza ta’ nies oħra fil-knejjes, u perċentwal ogħla fittxew modi oħra kif jiltaqgħu mal-oħrajn. Xi parteċipanti fittxew ukoll għajnuna mingħand membri tal-familja jew qraba u ħbieb li jħossuhom aktar qrib tagħhom. 42% qalu li fittxew għajnuna mentali jew psikoloġika. 6% kienu fil-bżonn tal-ikel, u 3% fittxew għajnuna finanzjarja.

F’kummenti dwar ir-riżultati, id-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, Rev. Dott. John Berry, qal li l-Fakultà hija impenjata li tfittex modi ġodda kif twieġeb b’mod għaqli għall-bżonnijiet tas-soċjetà. Dott. Berry spjega li din ir-riċerka kienet prova li n-nies iridu li l-preżenza tal-Knisja tkun riflessa fl-era diġitali; li l-Knisja għandha tippjana kif tista’ tkun komunità aktar inklużiva u tesplora mudelli ġodda ta’ “kif tkun knisja” imma fl-istess ħin “tmur lura għan-normal”.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella kellu kliem ta’ tifħir għal dan l-istudju. Huwa qal: “Li tieħu stampa ġenerali tal-isfidi li għaddejna minnhom fi żmien il-pandemija, u tanalizzahom mil-lenti tal-professjonisti – li hi xi ħaġa li l-akkademiċi mill-Fakultà tat-Teoloġija rnexxielhom jidħlu għaliha permezz tal-kompetenzi tagħhom – jiżgura li jkollna riżultati li jkunu jistgħu jiġu attwati u li l-komunità tista’ taħdem fuqhom u tużahom b’mod li jispira riċerka ulterjuri.”

L-istudju sar permezz  ta’ stħarriġ anonimu online b’total ta’ 1,102 tweġiba, 711 minnhom nisa u 385 rġiel. 88% tal-parteċipanti ddikjaraw li huma Kattoliċi Rumani, filwaqt li 11% qalu li ma jħaddnu l-ebda reliġjon.

Ritratti: Knisja.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com