Studenti Tal-Arti Jibbenefikaw Minn Ftehim Bejn Il-VCA U l-MAVC

 Studenti Tal-Arti Jibbenefikaw Minn Ftehim Bejn Il-VCA U l-MAVC

Ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli (MAVC) u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA). L-MoU jiffoka speċifikament fuq li jitħeġġeġ u jitrawwem spirtu kollaborattiv bejn l-Iskola Maltija tal-Arti u l-Iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva ta’ Għawdex, li t-tnejn jifformaw parti mill-Kulleġġ MAV u l-Valletta Design Cluster, fi ħdan il-VCA.

Dan l-MOU għandu l-għan li jappoġġja sinerġija eqreb bejn l-edukazzjoni tal-arti u l-industrija kreattiva f’Malta billi jiġu pprovduti iżjed opportunitajiet u aċċess għal studenti żgħażagħ biex jitgħallmu permezz ta’ approċċi bbażati fuq il-prattika u li jippromwovi kontinwità mis-snin bikrin tagħhom tal-edukazzjoni artistika sad-dimensjoni professjonali tal-kreattività.

“Dan il-ftehim se jagħti l-opportunità lill-istudenti tal-Arti li jattendu skejjel tal-Kulleġġ MAV u membri u kommunitajiet tal-prattika tal-VDC biex ikollhom aċċess għall-ispazju u l-faċilitajiet offruti miż-żewġ entitajiet, sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp kreattiv u professjonali ta’ kull membru, kemm jekk għadu student kif ukoll jekk huwa prattikant stabbilit,” qal il-Kap tan-Network tal-Kulleġġ, Victor Galea.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone spjegat li “Dan l-MoU se jippermetti iżjed l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ programm iċċentrat fuq il-komunità, u wkoll jagħmilha iżjed faċli biex issir kollaborazzjoni fuq proġetti u inizjattivi konġunti li jirriflettu l-għanijiet u l-valuri kemm tal-Kulleġġ, kif ukoll tal-Valletta-Design Cluster.

Il-binjiet tal-Iskola Maltija għall-Arti u l-Valletta Design Cluster jinsabu ħdejn xulxin, u t-tnejn li huma għaddew minn proċess intensiv ta’ restawr u rinnovar f’dawn l-aħħar snin.

L-MoU ġie ffirmat mis-Sa Catherine Tabone, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u mis-Sur Victor Galea, il-Kap tan-Network tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com