Suċċess Għaċ-Ċiklisti Maltin Fil-Giro D’Italia Amatori 2021

 Suċċess Għaċ-Ċiklisti Maltin Fil-Giro D’Italia Amatori 2021

Suċċess għaċ-ċiklisti Maltin fid-9 edizzjoni tal-Giro d’Italia Amatori hekk kif it-tim rappreżentattiv Malti  ħa sehem fi tliet tiġrijiet f’Perugia fejn kisbu riżultati ferm tajbin. It-tim li kien immexxi mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazjoni Maltija taċ-Ċikliżmu Joe Bajada kkompeta għall-ewwel ġo ciclodromo u dan kien fi Pian di Massiano (La Casa del Ciclista), ħdejn il-grawnd tal-futbol Renato Curi ta’ Perugia.

Fil-Kategorija tan-Nisa, f’kull ġurnata saru tiġrijiet fuq 20 dawra fuq distanza ta’ 500 metru u fil-ħames dawra saret l-isprint li magħha kien hemm abbonati 20 punt u dik finali b’punteġġ doppju. Hawn Marie Claire Aquilina spiċċat fit-tieni post tal-klassifika ġenerali wara r-rebbieħa Michela Giuseppina Bergozza ta’ ASD Scatenati. Aquilina spiċċat fit-tieni pożizzjoni fit-tiġrijiet tal-Ġimgha 2 ta’ Lulju, kif ukoll f’dik tal-Ħadd 3 ta’ Lulju, menti fit-tiġrija tas-Sibt 3 ta’ Lulju spiċċat fit-tielet pożizzjoni.

Mill-Irġiel l-aħjar li mar kien Jason Vella li spiċċa t-tielet post fil-klassifika ġenerali Overall, Giro li kien mirbuħ minn Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike. Luke Borg spicca fir-raba’ post tal-Klassifika Ġenerali. It-tigrijiet tal-Irgiel kienu fuq l-istess sistema pero’ fuq 40 dawra. Jason Vella mbagħad rebaħ il-Kategorija tal-Veterani 1, b’Etienne Bonello jispiċċa fit-tieni post tal-istess kategorija. Luke Borg spiċċa wkoll fit-tieni post fil-Kategorija tal-Junior, bi Brandon Sultana jispiċċa fit-tielet pożizzjoni fl-istess Kategorija tal-Junior. Pjazzamenti oħra għaċ-ċiklisti Maltin kienu: Clive Ebejer it-tieni fil-Kategorija Senior 1 u Reuben Colombo t-tielet fil-Kategorija tal-Veterani 2.

Ċiklisti oħra li ħadu sehem kienu Michelle Vella Wood, Stefan Scerri, James Mifsud, Mariano Cassar u Nicholas Schembri. Bla dubju din kienet ukoll esperjenza mill-iktar utli għaċ-ċiklisti Maltin u wara waqfien pjuttost twil minħabba l-Pandemija wrew id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu fuq ir-ritmu ta’ qabel.

 

Ritratt: Joe Bajada

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com