Taħriġ Speċjalizzat Minn Special Olympics Malta Lill-Ħaddiema Ta’ Aġenzija Sapport
Aktar minn 240 ħaddiem minn Aġenzija Sapport għadhom kemm temmew programm ta’ taħriġ speċjalizzat provdut minn Special Olympics Malta. Dan it-taħriġ se jkun qed jgħin lil dawn l-impjegati sabiex jagħmlu programmi ta’ eżerċizzju fiżiku ma’ 460 persuni b’diżabilità li jattendu l-11-il ċentru ta’ matul il-jum immexxija minn Aġenzija Sapport f’Malta u Għawdex. L-għan ta’ dan it-taħriġ hu sabiex l-aġenzija tkun tista’ twassal aktar programmi individwalizzati li jtejbu l-kordinazzjoni u l-kontroll tal-moviment tal-ġisem. Dan iwassal sabiex persuna tiżviluppa l-ħiliet tagħha fi sports u attivitajiet rikreattivi oħrajn, minbarra li jwassal sabiex persuni b’diżabilità severa jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar inklussiv f’attivitajiet fil-komunità.
Waqt ċerimonja fiċ-Ċentru Skills Space, ġew preżentati ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil numru ta’ impjegati li ngħataw dan it-taħriġ.
Fl-indirizz tagħha, Dr Lydia Abela qalet li l-ħsieb wara dan it-taħriġ li ngħata lill-impjegati ta’ Aġenzija Sapport minn Special Olympics Malta huwa riflessjoni tal-għan komuni li t-tnejn għandhom fil-missjoni tagħhom ta’ kuljum. Dak li b’imħabba u b’dedikazzjoni joffru servizz eċċellenti u aġġornat maż-żmien lill-persuni b’diżabilità.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ddeskriviet din il-ħidma konġunta bħala prova oħra ta’, “Kemm hija siewja l-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti b’risq persuni b’diżabilità. B’riżultat ta’ din il-kollaborazzjoni qegħdin inkomplu inkattru f’persuni b’diżabilità fiduċja fihom infushom, ngħinuhom iħossu li huma meqjusin daqs u bħal ħaddieħor. Qegħdin inħaddmu fil-prattika l-prinċipju tal-inklużjoni, fejn ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura f’ebda qasam tal-ħajja, inkluż dak sportiv.”
F’diskors li għamel waqt din iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima saħaq kif dan il-programm se jkompli jiddefinixxi lis-soċjetà tagħna bħala waħda ekwa u inklussiva. Dr Grima semma kif, permezz ta’ din l-inizjattiva, l-impjegati se jkunu aktar mgħammra b’ħiliet diversi biex jassistu lil persuni b’diżabilità. Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li programmi u inizjattivi bħal dawn jaċċertaw li kull persuna, irrispettivament mid-diżabilità tagħha, u li għandha ħolma li tippratika xi sport partikolari, tista’ tagħmel dan, bl-għajnuna ta’ impjegati li huma mħarrġa professjonalment.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras irringrazzjat lit-tim kollu ta’ Special Olympics Malta għall-impenn tagħhom. Din il-ħidma qed twassal sabiex l-aġenzija tkun tista’ tkompli tiżviluppa l-għażla ta’ programmi inklussivi fiċ-ċentri ta’ matul il-jum u mħejjija skont l-abbiltajiet ta’ kull individwu. Dan ikompli jenfasizza wkoll l-impenn tal-aġenzija li tħares l-interessi tal-impjegati billi toffrilhom programmi ta’ taħriġ speċjalizzat fil-qasam tad-diżabilità sabiex ikunu jistgħu jwasslu servizz ta’ kwalità.
Ritratt: DOI / Omar Camilleri