Titħabbar Estensjoni Tas-Servizzi Taċ-Ċentri Taċ-Childcare

 Titħabbar Estensjoni Tas-Servizzi Taċ-Ċentri Taċ-Childcare

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tat dettalji dwar din l-estensjoni bi prova, li se ssir f’sitt ċentri mifruxa ma’ Malta. Din se ssir bi prova minn Ottubru li ġej, fejn il-ħinijiet se jkunu estiżi fil-ftuħ u l-għeluq tagħhom, se jibdew jiftħu siegħa u nofs qabel, jiġifieri mis-6 ta’ filgħodu minflok fis-7:30 u jagħlqu siegħa u nofs wara, jiġifieri fis-6 ta’ filgħaxija minflok fl-4:30. Is-servizz bi prova jinkludi wkoll il-ftuħ ta’ dawn is-sitt ċentri nhar ta’ Sibt bejn is-6 ta’ filgħodu u s-siegħa, meta bħalissa s-Sibtijiet dawn iċ-ċentri ma jiftħux.

Iċ-ċentri li se jiftħu bi prova minn Ottubru huma: Il-Kuluri Childcare Centre (Birgu), Il-Ferrovija Childcare Centre (B’Kara), Pizzi Pizzi Kanna Childcare Centre (Naxxar), Il-Merill Childcare Centre (Pembroke), Żmeraldi Childcare Centre (Ħaż-Żebbug) u Ix-Xemx Childcare Centre (Qawra). Qed issir ħidma biex ikunu identifikati ċentri f’Għawdex biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet tal-Għawdxin, speċjalment dawk li jaħdmu Malta.

Bil-ħinijiet estiżi huwa mbassar li se jkunu attirati 72 tifel u tifla oħra – żieda ta’ 20% f’dawn iċ-ċentri ta’ prova, bidla li biha se jiġu milħuqa familji li minħabba l-ħinijiet ta’ bħalissa ma setgħux jagħmlu użu mis-servizz. Din iż-żieda mbassra hija skont l-istandards nazzjonali għal dawn iċ-ċentri.

Fit-18 ta’ Lulju ħareġ tender biex ikun attirat ir-riżors uman li hemm bżonn biex jingħata dan is-servizz.

Permezz tal-iskema taċ-childcare li tipprovdi servizzi ta’ childcare mingħajr ħlas lil ġenituri/tuturi li jaħdmu jew li qed ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, ingħata l-appoġġ lill-familji, b’mod partikolari ngħatat spinta lil nisa li permezz ta’ childcare b’xejn setgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew ikomplu bil-karriera jew bl-istudji tagħhom.

Intqal li f’dawn iċ-ċentri, bħal kif qed isir bħalissa fiċ-ċentri kollha tal-FES, se jingħata servizz skont il-policies kollha eżistenti, u skont l-istandards nazzjonali marbuta maċ-ċentri u jkunu mħarsa l-protokolli kollha li hemm f’posthom u dawk li jinħarġu mill-Awtoritajiet tas-Saħħa minn żmien għal żmien.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com