Titnieda l-Kompetizzjoni “Space – Proof Of Concept” Bi €15,000 Lir-Rebbieħ U €10,000 Għat-Tieni Post
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed iniedi kompetizzjoni bl-isem ta’ Space- Proof of Concept Competition għar-riċerkaturi b’interess fit-Teknoloġiji Spazjali, bil-għan li jistimula d-disinn jew l-iżvilupp ta’ prodott li juża data ġġenerata mill-ispazju bħal informazzjoni dwar pożizzjonament, navigazzjoni u ħin jew immaġini t’osservazzjoni tad-Dinja.
Il-kompetizzjoni tiftaħ mit-13 ta’ Lulju, 2021 u l-proposti huma mistennija jindirizzaw applications għall-mobajl, ġestjoni u traċċar tal-assi, soluzzjonijiet li jintlibsu, ir-robotika, id-droni, applications spazjali mmexxija mill-Intelliġenza Artifiċjali u l-użu tad-data osservata tad-Dinja, fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Dr Owen Bonnici qal li r-riċerka u l-innovazzjoni huma fil-qalba tal-progress lejn Malta tal-futur u l-ispazju huwa riżorsa oħra li r-riċerkaturi tagħna jistgħu jisfruttaw. “Filwaqt li meta naħsbu fl-ispazju, ħafna drabi nimmaġinaw dak li rajna fil-films tal-fantaxjenza, fil-verita’ r-riċerka spazjali kienet kruċjali għal ħafna soluzzjonijiet li issa nużaw ta’ kuljum.”
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li f’Malta, ir-riċerka spazjali għadha fil-bidu tagħha u jeħtieġ li nagħmlu l-almu tagħna biex nappoġġjaw u nimmotivaw lir-riċerkaturi tagħna, kif ukoll lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex jersqu ‘l quddiem u jesploraw aktar din ir-riżorsa.
L-applikanti jridu jirreġistraw l-interess tagħhom li jipparteċipaw sal-Ġimgħa 30 ta’ Lulju, 2021, billi jimlew l- ‘Expression of Interest Form’ u jibgħatuha bil-posta elettronika f’format PDF lil [email protected]. L-email għandu jkun intitolat ‘The MFER Space Proof of Concept Competition Expression of Interest’.