Titnieda L-Malta Food Agency
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda l-Malta Food Agency li se tkun responsabbli li timmaniġġja l-bejgħ tal-prodotti tal-ikel agrikoli, laħam u ħut lokali, kif wkoll tippromwovi l-prodotti u ssib swieq alternattivi.
Il-Malta Food Agency se tkun qed tagħmel ukoll riċerka sabiex ittejjeb l-operat u l-proċessi fis-setturi tal-pitkalija, tal-pixkerija kif ukoll fl-impjant tat-tqattigħ u spulpjar tal-laħam fil-Biċċerija.
Permezz tal-Malta Food Agency se jiġi żgurat li jkun hemm bażi amministrattiva u maniġerjali b’saħħitha. Se jiġu mnedija proċeduri u proċessi adegwati għall-andament tax-xogħol, kif ukoll struttura li tgħin lill-bdiewa, lir-raħħala, lis-sajjieda kif ukoll il-partijiet interessati ewlenin.
Il-Malta Food Agency diġà bdiet dan ix-xogħol, permezz ta’ tnedija tar-riforma fil-Pitkalija. Din ir-riforma qed issir sabiex ikun hemm aktar trasparenza, governanza u organizzazzjoni. Fost iddiversi miżuri li qed jittieħdu ġew imnedija aktar infurzar fuq kontrolli ta’ kwalità, traċċabilità tal-prodotti u l-preżentazzjoni tal-prodott.
Il-Ministru Refalo qal li l-Pitkalija hija waħda mis-sorsi ewlenin għall-għajxien tal-bdiewa Maltin u Għawdxin. Fil-Pitkalija hemm madwar 1,500 bidwi li jdaħħlu l-prodotti tagħhom u madwar 1,000 xerrej li jużaw il-Pitkalija sabiex jixtru l-prodott lokali li jwassluhom s’għand il-konsumatur. Dan kollu jammonta għall-kummerċ ta’ frott u ħaxix frisk lokali li jaqbeż l-20 miljun fis-sena.
Il-Ministru Refalo qal li jinsab, “sodisfatt ħafna li bdiet din ir-riforma u se jiġu implimentati proċessi u strutturi amministrattivi ta’ livell. Aħna kommessi li flimkien mal-istakeholders kollha nimplimentawha għall-benefiċċju tal-bdiewa, tal-konsumatur u l-istakeholders kollha”.
Il-Ministru Refalo qal ukoll li, “Il-Malta Food Agency għandha tkun katalist tal-bidla, kemm fil-qasam agrikolu u kif ukoll fost setturi oħrajn, billi tipprovdi r-riċerka, l-gwida, l-istrateġija u l-implimentazzjoni ta’ agrikultura aktar sostenibbli”.
Ritratti: DOI