“Vot Kontra Kien Vot Kontra T-Trasparenza U S-Saltna Tad-Dritt” – Il-PL

 “Vot Kontra Kien Vot Kontra T-Trasparenza U S-Saltna Tad-Dritt” – Il-PL

Ilbieraħ fil-Parlament ta’ Malta ma għaddiex vot biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni ta’ Malta bl-emenda għall-Abbozz 166 bit-titolu tal-Att tal-2020. Il-Gvern rebaħ il-vot b’ 34 favur u 25 kontra iżda naqas milli jilħaq iż-żewġ terzi (45 vot) meħtieġa biex l-emendi jgħaddu.

F’stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li l-Partit Nazzjonalista falla l-ewwel test reali tiegħu biex juri kemm bil-fatti huwa lest li jaħdem biex pajjiżna jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF.

“Bil-paroli, il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jrid ikun mal-Gvern u l-awtoritajiet biex il-pajjiż iwettaq dan il-pjan ta’ azzjoni u bil-fatti wera mod ieħor. Mar fil-Parlament u vvota kontra emenda leġislattiva li saħħaħ l-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżna” saħqu l-PL.

Il-Partit Laburista qal li permezz ta’ din l-emenda l-Gvern ried jagħti l-awtoritajiet pubbliċi s-setgħa biex jimponu sanzjonijiet amministrattivi, sabiex jiġu indirizzati l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u l-finanzjar tat-terroriżmu.

Huwa mifhum li din l-emenda tressqet wara li kienet mitluba l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja u li kienet ippubblikata f’Ġunju li għadda. Il-PL qal li l-ħsieb tagħha kien li taċċerta li persuna, kemm legali jew naturali, tkun tista’ tirrikorri għal-Qorti tal-Appell fejn hija ma taqbilx mad-deċiżjoni fl-ewwel istanza. “B’dan l-Abbozz Malta kienet tkun qiegħda tagħmel dak li diġa jsir f’pajjiżi oħra fosthom – Franza, l-Ġermanja, u l-Olanda,” qal il-PL.

Il-Partit Laburista kkonkluda lis-stqarrija tiegħu billi qal li “vot kontra kien vot kontra t-trasparenza u s-Saltna tad-Dritt. Kien ukoll vot li waqqa’ l-maskra tal-Partit Nazzjonalista li mhux vera jrid jaħdem biex Malta twettaq kemm jista’ jkun malajr r-rakkomandazzjonijiet li jkompli juru kemm pajjiżna hu ġurisdizzjoni b’saħħitha u rispettata.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com