Żewġt Irġiel Iweġġgħu Waqt Ġlieda F’Raħal Ġdid

Raġel ta’ 26 sena spiċċa b’ġrieħi gravi wara ġlieda b’armi li jaqtgħu.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-10:30pm, meta fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid daħal Somalu ta’ 30 sena u rrapporta li ftit ħin qabel, waqt li kien f’residenza fi Triq tal-Borġ, kellu argument ma’ raġel ieħor.
Il-Pulizija marret fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta li r-raġel kellu argument ma’ Somalu ta’ 26 sena. Waqt dan l-argument, allegatament, intużaw armi li jaqtgħu u bil-ponta.
Minħabba li ż-żewġt irġiel weġġgħu, il-Pulizija talbet għall-assistenza medika u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard, is-Somalu ta’ 26 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.