Żieda Ta’ €41 Miljun Fin-Nefqa Fuq Benefiċċji Soċjali Fl-Ewwel Nofs Tas-Sena

 Żieda Ta’ €41 Miljun Fin-Nefqa Fuq Benefiċċji Soċjali Fl-Ewwel Nofs Tas-Sena

Iċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juri li n-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali, kontributorji u mhux kontributorji, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena laħqet is-somma globali ta’ €583 miljun. Imqabbla mal-ispiża fl-istess perjodu tal-2020 din kienet turi qabża ‘l fuq ta’ 5% jew madwar €28 miljun.

Parallel, fl-ewwel sitt xhur tas-sena naqsu b’550 il-persuni li kienu qed jirċievu assistenza soċjali.  Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019, qabel il-pandemija.

Ta’ min isemmi li jekk wieħed iħalli barra l-benefiċċji temporanji li tħallsu minħabba l-COVID, iż-żieda effettiva fin-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali globalment kienet tlaħħaq madwar €41 miljun. Din in-nefqa fuq il-benefiċċji tal-COVID imħallsa f’dan il-perjodu fl-2020  kienet ta’ €13.6 miljun.

Fl-ewwel sitt xħur tas-sena l-akbar żieda kienet dik ta’ madwar €22 miljun fuq benefiċċji kontributorji li b’kollox swew madwar €479 miljun. Jekk wieħed jikkunsidra n-nefqa straordinarja ta’ €13.6 miljuni, iż-żieda effettiva bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena fil-benefiċċji kontributorji titla’ għal €35 miljun.

Iċ-ċifri tal-NSO wrew li kien hemm żieda qawwija ta’ €35 miljun fin-nefqa tal-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol u tal-invalidità u fil-ħlas tal-bonus li jitħallas lill-istess pensjonanti. Din kienet dovuta l-aktar għaż-żieda ta’ €5 fil-ġimgħa, inkluż dik ta’ €1.75 għall-għoli tal-ħajja, li rċevew il-pensjonanti kollha din-sena, għal żieda ta’ 3,600 pensjonant ġdid fl-aħħar sena u għaż-żieda ta’ €50 fil-bonus annwali li jitħallas lil dawk il-persuni, l-aktar nisa, li mhumiex intitolati għal pensjoni kontributorja għax ma kellhomx bolol biżżejjed.

Min-naħa l-oħra, in-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji laħqet aktar minn €104 miljuni, żieda ta’ madwar €6 miljun fuq l-istess perjodu fl-2020.

Il-qabża fin-nefqa kienet dovuta b’mod partikolari għall-introduzzjoni ta’ suppliment addizzjonali fiċ-children’s allowance u għaż-żidiet fir-rati tal-għajnuna supplimentari. Fil-fatt, kien hemm żieda ta’ kważi €2 miljun fuq benefiċċji tat-tfal, żieda ta’ aktar minn €1.5 miljun fuq l-assistenzi għal diżabilità, u żieda ta’ ftit anqas minn €3 miljuni fuq l-għajnuna supplimentari, l-għajnuna medika u l-in-work benefit.

Fl-ewwel sitt xħur tas-sena naqas b’1,830 għal 1,380 l-għadd ta’ persuni fuq il-benefiċċju tal-qgħad.

Mitlub jikkummenta dwar dawn iċ-ċifri, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn 860 persuna li bdew jieħdu l-pensjoni għall-ewwel darba bis-saħħa ta’ twettiq ta’ miżura ġdida li tirrikonoxxi bolol imħallsa qabel l-eta’ ta’ 19-il sena.

Huwa saħaq li l-firxa wiesgħa ta’ benefiċċji u ż-żidiet mogħtija  f’dawn is-sitt xħur għal darb’oħra wrew kemm hi b’saħħitha l-agenda soċjali tal-gvern li minkejja l-isfidi u l-ispejjeż kbar li ġabet magħha l-pandemija baqa ffukat fil-ħidma biex ikompli jwieżen u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji bit-tfal, l-pensjonanti, l-anzjani u persuni b’diżabilità fost oħrajn.

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li sal-aħħar tas-sena, in-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali mistennija taqbeż l-ammont rekord ta’ €1.1 biljuni, u dan jixhed l-impenn soċjali tal-gvern li huwa gvern għan-nies u li jinvesti kontinwament fin-nies.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com