10 Kunsilli Lokali Jingħataw Fondi Għall-Inizjattiva ‘Slow Streets’
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iskema għall-aċċessibilità fil-lokalitajiet li l-proġett ‘Slow Streets’ – immexxi mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta – se jkun qed jibbenefika minnha.
‘Slow Streets’ huwa pjan ta’ azzjoni sabiex jiżgura li l-mobilità fil-komunitajiet tagħna tkun sigura, sostenibbli, b’saħħitha, u effiċjenti. Waqt il-konferenza tħabbar li l-Kunsilli Lokali tal-Imsida, ta’ San Ġiljan, tal-Iklin, tax-Xewkija, ta’ Ħal Safi, ta’ Ħad-Dingli, tal-Għargħur, tan-Naxxar, tal-Fgura u tal-Munxar applikaw għal skema maħruġa mid-Direttorat għall-Gvern Lokali u ser jingħataw fondi sabiex iwettqu proġetti varji taħt l-inizjattiva ‘Slow Streets’.
F’ din l-ewwel minn sensiela ta’ skemi bil-għan li tissaħħaħ l-aċċessibilità sostenibbli fil-komunitajiet, il-Gvern Ċentrali qiegħed jalloka €344,085 għal proġetti differenti li applikaw għalihom il-kunsilli lokali taħt l-inizjattiva tal-AKL ‘Slow Streets.
Il-Ministru Herrera qal li dan huwa biss il-bidu ta’ sensiela ta’ inizjattivi li permezz tagħhom il-ministeru se jkun qiegħed jgħin finanzjarjament sabiex tisaħħaħ l-aċċessibilità, kemm għar-residenti kif ukoll għal min iżur dawn il-lokalitajiet.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li qegħdin jinħolqu bosta inċentivi sabiex il-pubbliku jkun imħajjar inaqqas id-dipendenza fuq il-vetturi privati billi jagħżlu li jimxu, isuqu rota, jew anke jużaw it-trasport pubbliku. Qal li sal-bieraħ stess tħabbar investiment ta’ €40 miljun ta’ fondi Ewropej sabiex tigi elettrifikata l-flotta tat-trasport pubbliku. “Bl-inizjattiva ‘Slow Streets’, mhux talli qed nippromwovu kwalità tal-ħajja tajba għar-residenti tal-komunitajiet tagħna, imma qed inżewġu dan il-kunċett mal-ħidma tagħna favur bidla fil-kultura tat-trasport tagħna u mixja lejn l-intermodalità.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava sostna li dan il-proġett se jkun qed jara kif nagħtu lura l-lokalitajiet tagħna lir-residenti billi nibdlu l-kultura u l-prijoritajiet tagħna fil-lokalitajiet. Dan billi jinħolqu spazji u kurituri siguri li permezz tagħhom inħajru lir-residenti jagħmlu użu minn trasport alternattiv għall-qadi ta’ kuljum ġewwa l-lokalitajiet, minflok l-użu tal-vetturi privati.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, se taħdem ma’ numru ta’ kunsilli lokali fuq dan il-pjan ta’ azzjoni sabiex tippromwovi l-mixi, iċ-ċikliżmu u t-trasport pubbliku, flimkien ma’ kampanji edukattivi oħra sabiex nevitaw vjaġġar bla bżonn. Uffiċjali minn Transport Malta ltaqgħu diversi drabi mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u pprovdew assistenza teknika u anke finanzjarja lill-assoċjazzjoni sabiex tkun tista’ tikkoordina l-ħidma mal-kunsilli lokali.