250,000 Klijenti Ta’ Epic Se Jibbenefikaw Minn Network Aktar B’Saħħtu

 250,000 Klijenti Ta’ Epic Se Jibbenefikaw Minn Network Aktar B’Saħħtu

Epic qed tibni l-aktar network b’saħħtu f’Malta biex tkompli ttejjeb l-esperjenza ta’ aktar minn 250,000 klijent. Bil-programm ta’ mmodernizzar tan-network li għandha għaddej bħalissa, Epic qed tiżviluppa n-network f’diversi villaġġi lokali, bl-aktar riċenti jkunu l-Mellieħa, Ħal Tarxien u Għajnsielem. L-effett ta’ dan l-iżvilupp jista’ jinħass diġà minn diversi klijenti li jgħixu f’dawn iż-żoni.

Il-popolazzjoni Maltija qed tikber b’mod gradwali kull sena. Infatti, skont l-aħħar statistika dwar il-popolazzjoni f’Malta ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-popolazzjoni Maltija laħqet il-516,100 abitant sal-aħħar tal-2020. Diversi villaġġi lokali, li qabel kienu aktar rurali, bħall-Mellieħa, riċentament għaddew minn urbanizzazzjoni sinjifikanti. Din wasslet għal diversi sfidi għal kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf. B’din bħala waħda mir-raġunijiet għall-bżonn li tkun immodernizzata n-network, Epic avvanzat l-arkitettura tan-network tagħha fil-Mellieħa, u anke villaġġi oħrajn, fix-xhur li għaddew, bil-għan li l-kopertura tan-network tkun elevata u tiżdied il-kapaċità tagħha.

Il-programm ta’ mmodernizzar tan-network ta’ Epic huwa tibdil komplet tal-mobile access network, u jinvolvi bidla fl-infrastruttura tan-network u t-teknoloġija biex il-kapaċità tan-network dejjem tiżdied, il-kopertura fuq ġewwa tissaħħaħ u tara t-tqassim tal-aktar teknoloġija avvanzata tal-mobile network f’Malta. Apparti minn hekk, il-programm jara wkoll li jsaħħaħ il-backhaul network u t-tqassim ta’ aktar siti li jissapportjaw l-Epic Fibre. Dan kollu qed isir grazzi għal investiment ta’ aktar minn €40 miljun, li se jwassal ukoll għal 5G aktar b’saħħtu.

“Iż-żieda fl-urbanizzazzjoni ta’ diversi villaġġi madwar Malta u Għawdex wasslet għal sfidi ġodda fuq il-kapaċità ta’ networks tal-mobile u l-kopertura tan-network, partikolarment fuq ġewwa. Waħda mill-isfidi hija l-kostruzzjoni moderna u l-materjali li jintużaw li jaffettwaw il-kopertura fuq ġewwa. Il-programm ta’ mmodernizzar ta’ Epic qed isir b’mod speċjali biex jindirizza dawn l-isfidi billi joffri infrastruttura tan-network aktar b’saħħitha, tekonoloġija mill-aqwa u tekniki oħrajn li jsaħħu l-kopertura fuq ġewwa madwar il-gżejjer Maltin,” spjega Mario Cordina, il-Head of Mobile Access Networks ta’ Epic.

It-titjib f’dawn il-lokalitajiet huwa parti minn programm fit-tul. Il-Modernisation Programme ta’ Epic beda bit-tħabbira tas-sħubija strateġika ta’ Epic ma’ Phoenix Tower International (PTI). Dan wassal għall-aħħar aħbar li Ericsson intagħżlet bħala l-kumpanija li se tforni l-5G radio access network (RAN) lil Epic, biex f’Malta jkun hawn ukoll aċċess għall-Epic 5G. Bħala parti minn din is-sħubija, Epic se tkun qed tuża wkoll it-teknoloġija avvanzata ta’ Ericsson biex timmodernizza n-network tagħha.

Fix-xhur li ġejjin, Epic se tkompli tiddefinixxi u timplementa n-network tal-ġenerazzjoni li jmiss, li se tippermetti li l-kumpanija tilħaq l-objettiv strateġiku tagħha: li tibni l-aktar network b’saħħtu f’Malta billi tipprovdi tekonoloġija li hija avvanzata, flimkien ma’ veloċitajiet mill-aqwa u li huma aċċessibbli minn kullimkien.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com