37 Kunsill Lokali Jissottomettu Applikazzjonijiet Għall-Fondi Tal-UE Bejn L-2018 U L-2020
Bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn akkwista fondi Ewropej biex seta’ jimplimenta proġett ta’ ġemellaġġ li involva parteċipanti ġejjin minn lokalitajiet minn Malta, l-Italja, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Olanda. Dan il-proġett hu wieħed minn 66 proġett li bejn l-2018 u l-2020 kienu sottomessi minn 37 kunsill lokali differenti biex jibbenefikaw minn fondi Ewropej.
F’attività f’Wied il-Għajn, il-Ministru Carmelo Abela spjega li proġett bħal dan iressaq aktar qrib xulxin ċittadini Ewropej li ġejjin minn pajjiżi differenti u b’hekk ikunu jistgħu jaqsmu l-ideat u l-ħsibijiet ma’ xulxin. Il-Ministru qal li dan il-proġett kien iffinanzjat minn dawn il-fondi, bil-għajnuna ta’ SEM. Huwa sostna li filwaqt li tajjeb li jkun hemm fondi tal-UE li qed jintużaw għal proġetti, hu tajjeb ukoll li ċerti fondi jiġu użati ħalli ċ-ċittadini Ewropej jiltaqgħu u jiddiskutu temi attwali u ta’ importanza għalihom.
Il-ministru qal li SEM hi aġenzija tal-gvern li toffri servizz bla ħlas lil diversi entitajiet biex jissottomettu proposti kompetittivi għal fondi Ewropej. Minbarra s-66 proġett sottomessi bejn l-2018 u l-2020, u li minnhom 72% kienu magħżula għall-fondi, din is-sena biss SEM assistiet 14-il kunsill lokali biex jissottomettu 16-il applikazzjoni. 6 minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati filwaqt li 9 oħra għadhom qed jiġu aġġudikati.
Hu ħeġġeġ lis-sindki u lill-kunsilliera biex jieħdu eżempju mill-proġett ippreżentat mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn u javviċinaw lill-aġenzija SEM ħalli anke huma jibbenefikaw mis-servizzi tagħha u minn fondi Ewropej.
Is-Sindku Mario Calleja spjega li l-proġett kien maħsub biex minbarra li jsieħeb lill-parteċipanti f’diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa, jidentifika l-irwoli tal-komunitajiet lokali fil-proġett Ewropew fil-futur u jinstabu soluzzjonijiet komuni biex jindirizzaw l-ewroxettiċiżmu u lintegrazzjoni ta’ komunitajiet barranin f’dawk lokali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta Mandy Falzon spjegat li l-aġenzija qed tassisti wkoll għaqdiet u entitajiet mhux biss fil-fażi tal-applikazzjoni imma wkoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti.
Dan hu servizz importanti li jiffaċilita li l-proġetti b’fondi Ewropej jitwettqu bl-aħjar mod skont ilmiri u l-għanijiet li għalihom ikunu ngħataw il-fondi.