9,175 Student U Studenta Jagħmlu L-Eżamijiet Tas-SEC, SEAC U L-Matrikola
Matul il-ġurnata tal-lum ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet tal-ewwel sessjoni tal-MATSEC, li għalihom qagħdu 9,175 student u studenta, f’105 suġġett differenti. Din kienet ukoll l-ewwel sena li kien hemm studenti li kellhom l-opportunità joqogħdu għas-SEAC.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ferħet lill-istudenti kollha li għamlu dawn l-eżamijiet, filwaqt li awgurat lil dawk li ġabu marki tajbin u kellhom suċċess. “Filwaqt li nifraħ lil dawk li marru tajjeb, nagħti kuraġġ lil dawk l-istudenti li ħassew li jistgħu jmorru aħjar f’dawn l-eżamijiet,” qalet il-Ministru Caruana, “eżamijiet li saru f’mument li konna qed ngħixu b’restrizzjonijiet tal-pandemija, u għalhekk inħoss li għandi nirringrazzja lill-istudenti kollha li stinkaw, għaddew minn sagrifiċċji, flimkien mal-familji tagħhom u l-edukaturi, biex setgħu joqogħdu għal dawn l-eżamijiet.”
Kien hemm 4,938 student li għamlu l-eżamijiet tas-SEC (O level), 15 tas-SEAC u 4,237 qagħdu għall-eżamijiet tal-Matrikola (Intermediate u A level) – total ta’ 9,175.
L-aktar suġġetti li kien hemm studenti li għamlu l-eżamijiet tagħhom fil-livell avvanzat kienu l-Ingliż, il-Pure Maths u l-Bijoloġija. Fil-livell intermedjarju, is-suġġetti l-aktar popolari kienu l-Ingliż u s-Systems of Knowledge, u fil-livell ordinarju kienu l-Matematika, l-Ingliż u l-Fiżika.
L-istudenti l-ewwel se jirċievu r-riżultati b’SMS li mistenni jasal illum u wara jibdew jirċevuhom bil-posta.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jfakkar fil-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bla ħlas, li jibdew mill-aħħar ta’ Awwissu. Dan huwa proġett li huwa offrut minn Jobsplus permezz tal-iskema Youth Guarantee, li permezz tiegħu jiġu offruti ħames ġimgħat ta’ reviżjoni bla ħlas fil-Matematika, il-Malti, l-Ingliż, il-Fiżika u l-Bijoloġija għal studenti li se jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC f’Ottubru. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb billi wieħed jibgħat email fuq [email protected] jew b’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Youth Guarantee – @YouthGuaranteeMalta.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-Board tal-MATSEC, lid-Dipartiment tal-Eżamijiet u l-ħaddiema kollha biex dawn l-eżamijiet setgħu jsiru b’suċċess għall-ġid, fl-aħħar mill-aħħar, tal-istudenti nfushom.