Aċċess Aħjar Għal Dar Il-Kaptan Fl-Imtarfa

 Aċċess Aħjar Għal Dar Il-Kaptan Fl-Imtarfa

Il-Ministri Ian Borg u Julia Farrugia Portelli ħabbru li l-organizzazzjoni Dar il-Kaptan fl-Imtarfa se tkun qed tingħata aċċess aħjar permezz ta’ numru ta’ xogħlijiet infrastrutturali li se jkunu qed isiru.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg sostna dwar l-impenn ta’ gvern li jibqa’ wieħed “fejn qed naraw li kull wieħed jew waħda minna, mill-iżgħar sal-akbar, tingħatalhom l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli. Infrastructure Malta qiegħda tagħmel bosta xogħlijiet madwar pajjiżna fuq kull livell u kienet dejjem lesta li tagħti l-ewwel għajnuna tagħha fejn kien hemm bżonn. Barra minn hekk, dan tal-lum huwa proġett ieħor xhieda ta’ gvern li anke kommess li jagħti daqqa t’id, li jgħin u jkun ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet non-governattivi sabiex jassigura li tassew kull wieħed u waħda minna jesperjenza kwalità tal-ħajja li tixraq u li hi tal-ogħla livell.”

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li x-xogħol li se jsir se jwassal għal aċċess aktar komdu għal Dar il-Kaptan, “faċilità ta’ għajnuna kbira għal persuni b’diżabbiltà u għall-qraba tagħhom. Dan se jkun qed jikkumplimenta s-servizzi attwali provduti minn Dar il-Kaptan li magħha, f’Mejju li għadda, dħalna fi ftehim soċjali ta’ €4.2 miljun mifruxin fuq tliet snin.

Permezz ta’ dan il-ftehim, se jissaħħaħ il-kunċett ta’ respite biex ġenituri li għandhom tfal b’diżabbiltà jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ meħtieġ minn żmien għal żmien. Il-ftehim se jwassal ukoll biex Dar il-Kaptan tinvesti f’aktar riżorsi umani biex tkun tista’ tindirizza d-domanda għal dan is-servizz u b’hekk ikunu mgħejjuna aktar familji. Se jkunu qegħdin jintlaħqu madwar 200 familja. L-ammont ta’ flus allokati għal dan il-ftehim juri żieda ta’ €2.5 miljun fuq il-kuntratt li kien sar fis-sena 2018.”

Ritratti: MTIP, MISW

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com