Agħti Widen – Preżentazzjoni Li Tiċċelebra L-Identità U L-Kultura Maltija

 Agħti Widen – Preżentazzjoni Li Tiċċelebra L-Identità U L-Kultura Maltija

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tippreżenta “Agħti Widen”,  spettaklu li jgħaqqad il-mużika sinfonika mal-vidjografija b’temi ta’ ritwali, l-ambjent naturali, is-snajja u l-festi Maltin. “Agħti Widen” se jittella’ ġewwa Pjazza Teatru Rjal nhar l-10 u l-11 ta’ Settembru fit-8pm.

Dan il-proġett se jieħu l-udjenza fuq vjaġġ mill-isbaħ ta’ mużika u xenografija, kif ukoll ħsejjes awtentiċi Maltin minsuġa f’narrattiva unika. Il-ħsejjes tal-mewġ, it-tokki tal-kampnar, iċ-ċekċik taċ-ċombini tal-bizzilla (u aktar) se jingħaqdu ħaġa waħda mal-orkestra.

Il-kompożitur tal-mużika sinfonika kollha ta’ “Agħti Widen” huwa Ruben Zahra, isem stabbilit fix-xena tal-mużika kontemporanja. Minbarra l-mużika, Zahra ħa ħsieb id-direzzjoni artistika, kif ukoll il-vidjografija ta’ dan il-proġett bl-assistenza ta’ tim professjonali.

“Agħti Widen” jinkludi wkoll narrattiva mill-pinna tal-kittieb Trevor Żahra, interpretata mill-attriċi Kassidy Calleja, tifla ta’ 11-il sena, filwaqt li jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ l-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni tas-surmast Pavel Šnajdr u ta’ KorMalta taħt id-direzzjoni tas-surmast Riccardo Bianchi.

Din il-preżentazzjoni se tkun qed issir taħt il-patroċinju tal-E.T George Vella, il-President ta’ Malta.

Din l-attività ġiet approvata mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika u se tkun qed issir skont ir-regolamenti maħruġin mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika.

Biljetti minn showshappening.com.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com