Aktar Bdiewa Maltin Jibbenefikaw Minn Fondi Ewropej

 Aktar Bdiewa Maltin Jibbenefikaw Minn Fondi Ewropej

Permezz ta’ fondi Ewropej mill-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2014-2020 – Appoġġ għall-Investiment f’Ażjendi Agrikoli, il-bdiewa Maltin qed ikomplu jinvestu f’teknoloġiji iktar effiċjenti li jwasslu għal prodott aktar bnin u ta’ kwalità.

Wieħed minn dawn il-bdiewa li bbenefika minn dawn il-fondi Ewropej huwa bidwi li għandu l-għelieqi fl-inħawi tas-Siġġiewi u li permezz tagħhom installa serra mgħammra b’teknoloġija ġdida. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żar lil dan il-bidwi li għamel investiment ta’ madwar €130,000 u li permezz tiegħu seta’ jtejjeb il-prodott argikolu tiegħu.

Matul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li, “Proġetti bħal dawn isaħħu l-mira ta’ dan il-gvern li jinvesti f’dawk l-industriji li għandhom bżonn appoġġ finanzjarju biex ikomplu joperaw u fl-istess ħin jadottaw metodi aktar moderni u sostenibbli sabiex inħarsu l-ambjent li tant huwa għal qalbna”.

Il-benefiċjarju ta’ dawn il-fondi, is-Sur Roderick Galea spjega li dan il-proġett, li huwa magħmul speċifikament għall-frawli, se jnaqqas ammont kbir ta’ plastik kull sena. Barra minn hekk, permezz tal-ġiebja, se jkun qed jinġabar l-ilma tax-xita biex il-prodott agrikolu jissaqqa bih u b’hekk ma jkunx hemm il-ħtieġa li jiġi kkunsmat ilma mill-borehole. Dan filwaqt li s-sistema ta’ irrigazzjoni taħdem b’sensors speċjali li tikkalkula x-xitla kemm għandha bżonn ilma kuljum. B’hekk ma jkunx hemm ħela ta’ fertilizzant, temm jgħid is-Sur Galea.

Madwar 180 bidwi Malti gawda minn dan il-programm.

Ritratti: DOI

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com