Arrestat Raġel Libjan B’Rabta Ma’ Allegat Attentat Ta’ Qtil F’Tas-Sliema

 Arrestat Raġel Libjan B’Rabta Ma’ Allegat Attentat Ta’ Qtil F’Tas-Sliema

Il-Pulizija arrestat raġel Libjan b’rabta mal-attentat ta’ qtil li seħħ fl-inħawi ta’ Tignè fil-bidu ta’ Awwissu.

Ir-raġel imfittex mill-Pulizija kien arrestat il-Ħadd xi 8:30pm. Il-Pulizija kkonfermaw fi stqarrija li ċċirkondaw lill-persuna suspettata, Libjan ta’ 37 sena fl-inħawi ta’ Qui-Si-Sana. Saret tfittixija fuqu fejn instab fil-pussess ta’ mus, kif ukoll numru ta’ pakketti żgħar b’sustanza suspettata droga kokaina. Saret tfittxija fir-residenza tiegħu u nstabet aktar sustanza, allegatament kokaina, ecstasy u kannabis, f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

L-allegat każ kien seħħ fis-6 t’ Awwissu li għadda, għall-ħabta tal-5:30am. Il-vittma, Ingliż ta’ 21 sena residenti Birkirkara, allegatament qala daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument fl-inħawi ta’ Tignè, Tas-Sliema.

Ir-raġel qiegħed bħalissa qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tas-1pm, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella

Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukati Dr George Camilleri u Dr Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistiti mill-Ispetturi Colin Sheldon u Wayne Camilleri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com