Bil-Filmat: Esplorazzjoni Fil-Pompa Tal-Ilma Abbandunata F’Mġarr Ix-Xini

 Bil-Filmat: Esplorazzjoni Fil-Pompa Tal-Ilma Abbandunata F’Mġarr Ix-Xini

L-avventuri ta’ Pierre Farrugia u Angelo Caruana jkomplu din id-darba f’pompa tal-ilma abbandunata f’Imġarr ix-Xini, f’Għajnsielem Għawdex.

Il-pompa nbniet lejn l-aħħar tal-1880 u kienet taħdem bil-faħam biex tipprovdi ilma frisk għall-gżira Għawdxija. Fis-snin sittin, il-pompa spiċċat abbandunata wara li nbniet pompa aktar b’saħħitha u moderna.

“L-avventura bdiet ftit tax-xhur ilu meta mort nesplora l-bini u ntbaħt b’xaft li kien 23 metru fond. Bdejt nirriċerka fuqu u sibt artiklu fuq it-Times of Malta fuq l-istess bini,” qal Farrugia. Minn dak in-nhar bdew jipprattikaw biex jkunu jistgħu jinżlu u jitilgħu lura mix-xaft li kellu ħajt ċatt, li dan jagħmlu aktar diffiċli biex titla’ lura miegħu.

Fl-aħħar matul il-ġimgħa li għaddiet Pierre u Angelo marru lura fuq il-post u bdew jesploraw il-post. Huma bdew bil-wiċċ tal-bini bħall-kamra tal-faħam u kamra tal-boiler.

Wara huma niżlu fil-qiegħ tax-xaft, fejn sabu mekkaniżmi ta’ magni qodma u siġġu tar-roti antik.

Wara hawn, imxew għall-kamra tal-pompa tal-elettriku u kmamar tal-magni tad-diesel.

Waqt li komplew mixjin f’qiegħ din il-binja lemħu mina żgħira ta’ 10 metri li wasslet għal xaft għoli ħames metri biss. Dan ix-xaft kien m’għereq bl-ilma.

Fl-aħħar, Pierre u Angelo kellhom isibu tarf biex jitilgħu lura x-xaft ta’ 23m.

Ara l-filmat:

Ritratti u Filmat: Pierre Farrugia

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com