“Bir-Riżultati Li Qed Nara Jien Sal-Lum Fiduċjuż Li Nibqgħu Mexjin Fit-Triq It-Tajba” – il-PM 

 “Bir-Riżultati Li Qed Nara Jien Sal-Lum Fiduċjuż Li Nibqgħu Mexjin Fit-Triq It-Tajba” – il-PM 

“Il-gvern jieħu dawn id-deċiżjonijiet għax ikollu s-serħan tal-moħħ tal-esperti fil-qasam tas-saħħa li jkun il-mument li nistgħu mmorru għall-pass li jmiss.”

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt kollegament telefoniku fejn spjega kif fuq quddiem nett dan il-komfort ġie mill-fatt li għandna l-popolazzjoni adulta li fil-maġġoranza assoluta tagħha, iktar minn 86%, huma vaċċinati b’mod komplet. Dan il-fatt ħalla effett pożittiv ħafna fejn bl-attività f’pajjiżna u x-xogħol fl-aqwa tiegħu, tant li rridu ngħelbu l-isfida li m’għandniex biżejjed ħaddiema,  is-sitwazzjoni b’rabta mal-Covid-19 anke fl-isptarijiet baqgħet waħda stabbli. Dan allura jagħtik is-serħan il-moħħ li akkumpanjat mal-parir tal-esperti fis-saħħa tkun tista’ tieħu dawn il-miżuri. 

Robert Abela saħaq ukoll li bħalma l-Gvern irid jieħu ħsieb saħħet in-nies, daqstant ieħor irid iħares il-kwalità tal-għajxien. 

“Fl-istess ħin il-kwalità tal-għajxien li nibqgħu niggarantuha anke billi ngħinu n-negozji. Sa’ din il-ġimgħa stess komplejna nitkellmu fuq dan l-appoġġ. 

Tajna d-dettalji kif mas-7,000 negozju se jkun qed jibbenefika minn estensjoni ta’ skema, bl-isem ta’ MicroInvest, li tassisti negozji meta jinvestu anke b’tax credits. 

Il-Gvern fehem li l-pandemija poġġiet ċerti sfidi u tajna n-negozji iktar żmien biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-kreditu ta’ taxxa. 

Qed nitkellmu fuq miljuni kbar ta’ ewro f’għajnuna li b’dan il-pass se nħallu għand in-negozji. Dan mhux gvern li jiġbed lejh biex jibbilanċja l-kotba. Anzi aħna nemmnu li l-miri finanzjarji nilħquhom iktar ma nnisslu fiduċja u ninvestu fin-nies. U ninvestu f’Għawdex, daqskemm f’Malta.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif din il-qagħda b’saħħitha baqgħet tkun ikkonfermata minn diversi entitajiet, ħlief l-Oppożizzjoni. 

“L-oppożizzjoni l-uniku konsistenza li għandha hi dik li ma ssib xejn tajjeb f’pajjiżna. 

Il-Ġimgħa l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Moody’s ikkonfermat ir-rating ta’ Malta, l-istess bħalma għamlu Fitch u d-DBRS. 

 

Dan hu kollu sinjal li pajjiżna se jibqa’ miexi ‘l quddiem. 

Fil-każ ta’ Moody’s żammejna rating, li hu l-aħjar wieħed fl-aħħar għaxar snin, ‘il quddiem u spjegat u semmiet fejn temmen li hemm sfidi x’jingħelbu. Jien nemmen li ngħelbuhom. Anzi konvint.  

Irrid infakkar li fl-aħħar amministrazzjoni nazzjonalista meta f’riċessjoni l-poplu tgħabba bil-piżijiet, pajjiżna laqqat dowgrades, inkluż mill-istess aġenzija. 

Bir-riżultati li qed nara jien sal-lum fiduċjuż li nibqgħu mexjin fit-triq it-tajba anke is-sinjali hekk juru.”

Il-Prim Ministru faħħar ukoll il-proġett tal-Esplora u l-potenzjal li jinsab fiha dan il-post kif ukoll dwar l-istrateġija ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. 

L-investiment ta’ żewġ miljuni u ħames mitt elf ewro li nawgurajna fl-Esplora, fejn sar xogħol mill-isbaħ, hu ħolqa żgħira minn żewġ proġetti kbar u ambizzjużi li għandna bħala Gvern…Il-pjan għal Port il-Kbir hu pjan li diġà beda jitwettaq u li se jkun timbru ta’ dan il-gvern fuq il-medda tas-snin li ġejjin. Ir-rivoluzzjoni fl-immodernizzar tal-infrastruttura ta’ pajjiżna, trid tieħu dimensjoni oħra bix-xogħol kbir li għandna ippjanat għal din il-parti tal-pajjiż. Qed inħarsu lejn il-Port il-Kbir bħala sors b’saħħtu mil-lat ekonomiku u anke dak soċjali. 

Robert Abela sostna wkoll kif is-settur marittimu hu settur li pajjiżna jrid jibqa’ jisfrutta l-potenzjal tiegħu u m’għandiex dubju li se jsir hekk li sa’ din il-ġimgħa stess inawgura investimenti fl-istess settur, qasam li joħloq opportunitajiet. 

“Meta din il-ġimgħa assistejt għal investiment bl-involviment ta’ ġganti internazzjonali fis-settur stajt inkompli naprezza kemm ir-riżultat mhux biss frott il-pożizzjoni ta’ Malta u t-tradizzjoni li għandna fis-settur, iżda wkoll il-fatt li l-awtoritajiet tagħna li kienu deskritti fost l-aqwa li dawn l-investituri ltaqgħu magħhom madwar id-dinja. 

U meta ngħid li rrid li pajjiżna jkun fost dawk fil-quċċata ngħid dan għax naf li possibbli meta niltaqa’ ma’ dawn l-esperjenzi bħala parti mix-xogħol tiegħi. Dan settur ieħor.” 

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan huwa settur ieħor xhieda ta’ kif dan il-pajjiż jista’ u se jkompli jikber fis-snin li ġejjin. 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com