Ċentru Tal-Anzjanità Attiva Ġdid F’San Pawl Il-Baħar

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li se jkun qed isir ftehim ġdid bejn id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dan il-ftehim se jwassal biex għadd ta’ anzjani li jgħixu f’din il-lokalità u l-madwar ikunu jistgħu jattendu ċ-ċentru tal-anzjanità attiva u jibbenefikaw mid-diversi servizzi u attivitajiet offruti.
“Dan il-ftehim huwa xhieda tal-kollaborazzjoni attiva għall-benefiċċju tal-anzjani li jgħixu f’San Pawl il-Baħar u fil-lokalitajiet tal-madwar”, qal il-Ministru Farrugia.
Filwaqt li l-kunsill lokali qed jipprovdi l-bini u jkopri parti mill-ispejjeż tat-trasport, id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità huwa responsabbli għat-tmexxija taċ-ċentru, inklużi l-istaff u l-programm ta’ attivitajiet kif ukoll parti mill-ispiża tat-trasport.
Il-ministru rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-kollaborazzjoni matul is-snin fit-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru u stieden kunsilli lokali oħra biex jikkollaboraw fit-twaqqif ta’ aktar ċentri tal-anzjanità attiva fil-lokalitajiet tagħhom.
Bħalissa f’Malta għandna 22 ċentru mmexxija mill-AACC u 4 mmexxija mill-kunsilli lokali fejn l-AACC toffri gwida kif ukoll sessjonijiet ta’ lifelong learning.
Ritratti: DOI