€40 Miljun Biex Il-Flotta Tal-Karozzi Tat-Trasport Pubbliku Taqleb Għall-Elettriku
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg ħabbar li l-Gvern ħa jkun qed jiddedika €40 miljun minn Fondi Ewropej biex il-flotta tal-karozzi tat-trasport pubbliku taqleb għall-elettriku.
Bħal issa tnieda proġett pilota fejn ġew installati pannelli solari fuq żewġ karozzi tal-linja. Dan għandu jwassal biex il-vetturi kollha tat-trasport pubbliku jibdew jaħdmu bl-elettriku.
Il-Ministru Borg qal li “Il-Gvern meta innegozja l-fondi għall-irkupru mill-pandemija mal-Kummissjoni Ewropea, iddedika 80 miljun; 40 miljun għall-flotta tat-trasport pubbliku u 40 miljun fi skemi għall-karozzi privati. Illum qed nikkonċentraw fuq it-trasport pubbliku. Eventwalment irridu nidħlu f’diskussjoni mal-operatur kif se jkun il-mekkaniżmu li l-Gvern allura jipprovdi l-flus jew jipprovdi l-vetturi tal-elettriku u jitħaddmu mill-operatur. Irridu nagħtu l-eżempju li jkollna trasport pubbliku li jkun effiċjenti imma li jaħdem b’mod nadif ukoll.”
Qal ukoll li dan il-proġett hu mistenni li b’dawn il-pannelli solari l-konsum tad-diesel jonqos bi kważi 10 fil-mija fis-sena.
Ritratt: DOI