Esklussiva: Għawdex Lejn Liema Naħa Qiegħed Ixaqleb?
It-tlettax il-distrett, jew aħjar Għawdex mhux l-ewwel darba li jkun fiċ-ċentru ta’ diskussjoni politika hekk kif iż-żewġ Partiti politiċi saru jikkonsidraw dan id-distrett bħala strumentali sabiex jiksbu l-maġġoranza elettorali. Minn żmien għal żmien issiru ħafna sondaġġi li kollha jkunu suġġetti għal interpretazzjonijiet varji.
Fi snin riċenti l-Partit Laburista żamm il-maġġoranza għalkemm xi sondaġġi mhux l-ewwel darba indikaw inklinazzjoni lejn il-Partit Nazzjonalista. Kull sondaġġ iġġib miegħu ħafna mistoqsijiet u diskusjoni liema bħala.
Filwaqt li bosta mis-sondaġġi jispiċċaw jiġu ippublikati fil-ġurnali lokali, partikolarment fuq il-gazzetta MaltaToday u t-Torċa oħrajn jitħallew fil-kexxun jew mistura, madanakollu xorta waħda jintużaw bħala għodda importanti għall-Partiti u l-Kandidati.
Fl-aħħar jiem StradaRjali.com akkwistat kopja ta’ sondaġġ li sar fil-ġimgħat li għaddew, liema sondaġġ analizza l-popolarita’ tad-deputati u kandidati fuq it-13 -il distrett. Dan id-distrett jidher li ser ikun wieħed movimentat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, b’riżultat li possibilment mistenni jkun totalment differenti għall-kandidati minn dak tal-elezzjoni tal-2017. B’numru ta’ kandidati ġodda u l-iżvilupp politiku fi snin riċenti saru diversi taqbiliet fl-għażla tal-favoriti mal-Għawdxin.
Skont informazzjoni miksuba minn dan is-sit, jidher li Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex huwa l-aktar persuna li qiegħed jaħdem fil-Kabinett skont l-Għawdxin, b’aktar minn 25.6% jgħażlu lil Camilleri, segwit minn Ian Borg u Chris Fearne. Din hija fost l-uniċi drabi fejn Ministru għal Għawdex kiseb popolarita’ akbar minn Ministri oħra prominenti fil-kabinett tal-Gvern.
Għawdex illum għandu tlett Ministri Għawdxin li ilkoll qed jaħdmu qatiegħ sabiex jiksbu l-voti tagħhom. Jidher li skont dan l-istħarriġ Anton Refalo jsegwi lil Clint Camilleri bi 3.6% u Justyne Caruana hija li l-għażla ta’ 1.3% fost il-Ministri l-aktar li jaħdmu skont l-Għawdxin.
Fl-2017 Anton Refalo ġab 4,853 vot tal-ewwel preferenza, segwit minn Justyne Caruana bi 3,189 vot u Clint Camilleri b’2,466 vot.
Il-Partit Laburista jidher li żamm il-maġġoranza elettorali b’mod konvinġenti u jista’ jikseb riżultati simili għal dawk tal-2017 fl-elezzjoni li ġejja. Il-mistoqsija tkun minn ser ikunu d-deputati eletti u s-sekwenza tagħhom f’isem il-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja?