Esplora X-Xjenza Ta’ Madwarek

 Esplora X-Xjenza Ta’ Madwarek

Tkellimna ma’ Rebecca, QA & Training Manager ta’ Esplora fejn tagħtna informazzjoni utli għalikom il-pubbliku.

Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza jinsab il-Kalkara, fuq promontorju mdawwar bil-baħar li joffri veduti tal-għaġeb kemm tal-Port il-Kbir, tal-Belt Valletta, kif ukoll tal-Birgu. Fil-bidu tas-seklu 1800, il-Flotta Ingliża għażlet li tespandi fuq il-bini oriġinali ta’ Fra Giovanni Bighi ħalli jinbena sptar navali f’qalb il-Mediterran, u illum nistgħu napprezzaw l-arkitettura tiegħu kemm waqt li nkunu qegħdin barra ngawdu t-terrazzini jew il-Belvedere, u kemm waqt li nkunu għaddejjin ġewwa bl-esibiti jew xi esperimenti.

Esplora joffri żewġ tipi ta’ esperjenzi waqt mawra tipika – l-opportunità li nesperimentaw b’iktar minn mitejn esebit hands-on, u ċ-ċans li naraw wieħed mix-xows b’diversi dimostrazzjonijiet meraviljużi L-Explainers u l-komunikaturi tax-xjenza fl-Esplora huma mħarrġa sew biex jgħinu u jinkoraġġixxu lill-viżitaturi biex jesploraw l-esebiti jew jaħsbu fuq l-esperimenti.

Forsi tistagħġeb jekk ngħidlek illi l-għan ta’ Esplora mhux biex jgħallem ix-xjenza – imma fil-fatt hekk hu! Minflok ngħallmu l-fatti li wara kollox, wieħed jista’ jfittixhom fuq l-internet, aħna nixtiequ nispiraw lill-viżitaturi tagħna sabiex iqanqlu l-kurżità naturali tagħhom u ma jibżgħux jesploraw ix-xjenza ta’ madwarna. Dawn huma karatteristiċi ewlenin tax-xjentisti, u ħiliet bħal ħsieb kritiku u kreattività qegħdin isiru parti essenzjali ta’ kważi kwalunkwe rwol fuq il-post tax-xogħol; għalhekk inqisuhom importantissimi.

Hi t-tama tagħna illi jekk jirnexxilna nispiraw lin-nies bl-isbuħija, ir-relevanza, u l-meravilja tax-xjenza, jirnexxilna nqanqlu l-kurżità u l-affaxxinar li mbagħad iwasslu lin-nies biex ikomplu jfittxu u jitgħallmu minn jeddhom stess, anke wara li jkunu telqu mingħandna.

Mezz tipiku ta’ kif nagħmlu dan huwa li nippruvaw nuru lin-nies kemm ix-xjenza għandha sehem importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum – pereżempju bħalissa waqt is-sajf, ħadna t-tema ta’ Insiru Nafu Ġisimna u għandna xow li juri x’jiġri mill-ikel waqt li jkun f’ġisimna, u ieħor li juri kif ġisimna jipproteġina mill-mard.

Bl-istess ħsieb, insibu li avveniment bħal Notte Di San Lorenzo kull Awissu hu eżempju perfett ta’ kif il-missjoni tal-Esplora u l-metodi tiegħu jistgħu jiltaqgħu mal-kultura Maltija, isaħħuha, u jiċċelebrawha.

Aspett speċjali ta’ -Notte Di San Lorenzo hu li f’dak iż-żmien tal-10 t’Awwissu, id-dinja tagħna tkun qiegħda tgħaddi minn żona tal-ispazju fejn jeżistu ħafna biċċiet żgħar ta’ trab li jitħallew mill-kometa Swift-Tuttle – forsi hawn min jiftakar meta żaritna l-aħħar fl-1992. Waqt li d-dinja tagħna tgħaddi fost dawn it-trabijiet, jinħarqu fl-atmosfera tagħna u narawhom bħala stilel feġġejja – “id-dmugħ ta’ San Lawrenz”.

Sfortunatament, dan il-fenomenu ma tantx nistgħu ngawduh minn Esplora għax ninsabu f’post imdawwal ħafna bil-lejl, iżda nistgħu naraw xi ħaġ’oħra li hi kemm sabiħa u kif ukoll ta’ interess xjentifiku – il-wirja tal-logħob tan-nar imtella’ mill-Għaqda Piroteknika 10 t’Awwissu mill-Birgu. Dan l-ispettaklu jsir permezz tal-braken li jinħarġu fil-baħar bejn il-Birgu u l-Kalkara, u b’hekk l-Esplora tipprovdi veduta eċċezzjonali għal dan.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com