“F’Dawn L-Aħħar Seba’ Snin Ma Kienx Installat Charging Pillar Wieħed” – David Thake

 “F’Dawn L-Aħħar Seba’ Snin Ma Kienx Installat Charging Pillar Wieħed” – David Thake

“Waqt li l-intrapriżi privati qed jaħdmu biex ikunu minn tal-ewwel li jgawdu mill-opportunitajiet li toffri ekonomija ħadra, il-Gvern Malti hu tajjeb biss biex jitkellem u jwiegħed proġetti li għadhom ‘il bogħod ħafna biex jitwettqu u li fir-realtà huwa ċar li għal dawn l-aħħar seba’ snin ma kellux pjan kredibbli dwar kif ser iwettaqhom.”

Hekk qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Proġetti Kapitali David Thake fi stqarrija li ħareġ dwar il-mira tal-gvern li jkun hawn 65,000 karrozza f’Malta li jaħdmu bl-elettriku sal-2030.

Huwa qal li din il-wegħda tfisser li f’Malta jridu jsiru tal-anqas 7,000 charging pillars għall-karrozzi, madankollu David Thake qal li “meta wieħed iħares lejn dak li sar għal dawn l-aħħar seba’ snin ma kienx installat charging pillar wieħed u għalhekk l-infrastruttura llum mhux possibli tkopri d-domanda, li għadha waħda pjuttost żgħira.”

Il-PN saħaq li dan huwa kontra dak li qalet illum Il-Ministru Miriam Dalli li l-gvern qiegħed kontinwament jinċentiva lil dan is-settur biex ikompli jikber u jissaħħaħ.

David Thake fl-istqarrija qal li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed infrastruttura adekwata għall-charging ta’ vetturi, li warajha jkun hemm sistema b’saħħitha ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. Ma’ dan ikun hemm ukoll rati ġusti li jinkoraġġixxu kemm lill-investituri privati u anke lill-poplu biex ikompli jinvesti f’din it-teknoloġija.

Il-PN temm jgħid li “mill-kliem il-Gvern għandu jgħaddi għall-fatti u verament jinvesti biex jaħtaf kull opportunitá li din it-tip ta’ ekonomija ġġib magħha.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com