Fenech Adami L-Aħħar Wieħed Li Jista’ Jitkellem Fuq Il-Ħabs
“Beppe Fenech Adami hu l-aħħar wieħed li jista’ jitkellem dwar il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.” Hekk qalet l-istqarrija mill-Partit Laburista fejn intqal li meta hu kien fil-Gvern u Assistent Parlamentari fil-Ministeru għall-Intern, ħallew ħabs li kien ġungla fejn jirrenja l-iktar priġunier b’saħħtu, il-ħaddiema kienu jkunu intimidati u t-teħid u l-bejgħ tad-droga kien ir-regola tal-ġurnata. Saħansitra dan kien immarkat f’sentenzi tal-Qrati li ngħataw fi żmien il-Gvern ta’ Fenech Adami.
“Hu fatt magħruf li fl-aħħar snin saru bidliet kbar fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, fost oħrajn b’investimenti fi professjonisti full time li kienu ngaġġati għall-ewwel darba. Bidliet li hu ċar li mhux se jieqfu tant li fl-aħħar xhur saret ukoll konsultazzjoni dwar l-Electronic Monitoring Act. Konsultazzjoni li rat lill-Partit Nazzjonalista ma jipparteċipax. Għax il-Partit Nazzjonalista juri b’mod konsistenti li mhux kapaċi jkun parti minn proċessi li maħsuba biex itejbu l-affarijiet. “
“Fuq kollox jagħmel sew il-Gvern li filwaqt li jibni fuq it-tajjeb, jara x’jista’ jsir aħjar u kien għalhekk pass pożittiv li nħatret inkjesta biex tevalwa s-sitwazzjoni preżenti u tagħmel rakomandazzjonijiet għal ġejjieni”, temmet tgħid l-istqarrija mill-PL.