Fil-Kalkara Ġiet Restawrata Rħama Li Tfakkar lil Ernle Bradford
Fil-Kalkara ġiet restawrata rħama li tfakkar lill-istoriku u kittieb Ernle Bradford. Huwa kien għex parti sew minn ħajtu fil-Kalkara u miet fil-Kalkara stess nhar it-8 ta’ Mejju 1986.
Ernle Bradford, imwieled fil-11 ta’ Jannar 1922, f’Cole Green, Norfolk, l-Ingilterra kien storiku notevoli Ingliż tas-seklu 20 li speċjalizza fuq il-Mediterran u suġġetti navali. Bħala baħri ambizzjuż, Ernle Bradford qatta’ kważi tletin sena jbaħħar fil-Mediterran, fejn ħafna mill-kotba tiegħu inkitbu hemmhekk. Ernle Bradford għex Malta fix-Xatt tal-Kalkara għal numru ta’ snin fejn għamel ħbiberiji man-nies tal-lokal.
Matul is-snin tiegħu jgħix fil-Kalkara kiteb bosta kotba fosthom ‘The Great Siege of Malta 1565’ miktub fl-1961. Bosta kotba oħra kiteb f’Malta jinsabu miktuba fuq l-irħama stess li tfakkar lilu li tinsab imwaħħla mal-faċċata tad-dar fejn kien jgħix.
Wara diversi tentattivi mill-Assoċjazzjoni Wirt Kalkara sabiex din l-irħama tkun restawrata, ntlaqat din it-talba mill-Fondazzjoni Kottonera biex isir ir-restawr meħtieġ.
L-Onor. Glenn Bedingfield, Chairman tal-istess Fondazzjoni, laqa’ din it-talba u x-xogħol ta’ restawr beda fi ftit żmien mid-Direttorat tar-Restawr. Il-ħidma kollha tlestiet fl-aħħar ġranet, biex b’hekk issa din l-irħama kommemorattiva reġgħet ħadet il-ħajja mill-ġdid.