Fit-Tieni Kwart Tas-Sena 14,000 Persuna Talbu Assistenza Għaċ-Ċertifikat Tal-Vaċċin F’Ċentri Tas-Servizz.gov
Fit-tieni kwart tas-sena, ġew irreġistrati iktar minn 72,000 żjara fil-wieħed u għoxrin ċentru reġjonali u fiż-żewġ ċentri tekniċi ta’ servizz.gov f’Malta. Minnhom, 14,000 żjara kienu fuq assistenza għaċ-ċertifikat tal-vaċċin fiċ-ċentri f’Malta u tnejn oħra f’Għawdex. Din iċ-ċifra ħarġet minn statistika uffiċjali miġbura mill-aġenzija servizz.gov għat-tieni kwart tas-sena 2021.
L-iktar tliet ċentri reġjonali li laqgħu persuni kienu dawk taż-Żejtun, tal-Ħamrun u ta’ Ħaż-Żabbar, filwaqt li l-iktar servizzi mfittxija kienu ċ-ċertifikat tal-vaċċin u s-sottomissjoni taċ-ċertifikat mediku.
L-istatistika turi wkoll li matul April, Mejju u Ġunju, il-Freephone 153 wieġeb total ta’ 220,473 telefonata. L-ikbar numru ta’ mistoqsijiet kienu dwar Taxxa u VAT.
Ħarsa lejn il-one-stop-shop online turi li s-sit elettroniku www.servizz.gov.mt baqa’ mfittex mill-klijenti ta’ servizz.gov. Fil-fatt, fit-tieni kwart tas-sena, il-klijenti ta’ servizz.gov aċċessaw is-sit 334,506 darbiet.
It-total ta’ mobile apps fil-maltapps tniżżlu 16,957 darba. L-iktar app li tniżżlet kienet dik ta’ COVID Alert Malta, li tniżżlet 3,678 darba.
Min-naħa l-oħra ntbagħtu 11,565 ittra elettronika lil [email protected], filwaqt li April kien l-aktar xahar li fih irċieva ittri elettroniċi.
Ritratt: DOI