“Fl-Aħħar Jiem Ħafna Qalu Tagħhom Fuq Il-Ħabs…” – Jispjega L-Ministru Byron Camilleri

 “Fl-Aħħar Jiem Ħafna Qalu Tagħhom Fuq Il-Ħabs…” – Jispjega L-Ministru Byron Camilleri

“Fl-aħħar jiem ħafna qalu tagħhom fuq il-ħabs. Sfortunatament xi drabi din id-diskussjoni anke ħadet forma ta’ dibattitu ta’ opinjonijiet estremi, li nemmen li ma jagħmlux ġid.”

Hekk beda l-Ministru Byron Camilleri fuq il-midja soċjali tiegħu fejn qal li xi argumenti anke wasslu fl-assurdità daqs li kieku hemm xi gwerra bejn min qed jiskonta sentenza u l-bqija tas-soċjetà, “li jferxu gideb jew li nattakaw lill-ħaddiema, li kulħadd jaf li m’għandhomx xogħol faċli.”

Qal li kompla jiltaqa’ ma’ diversi persuni dwar dan is-suġġett u li għandu rispett kbir lejhom.

“Ħafna jesprimu l-opinjoni illi l-ħabs illum huwa ferm differenti minn ftit żmien ilu, fejn hemm aktar ordni, aktar indafa, mingħajr droga aċċessibli, servizz mediku b’saħħtu u nbeda proċess fejn permezz ta’ professjonisti jkun hemm għajnuna ta’ riabilitazzjoni għal min ikun qed jiskonta sentenza”, sostna l-Ministru Camilleri.
Iżda qal ukoll li huwa konxju li għad baqa’ xi jsir. Tenna li ż-żieda fil-popolazzjoni poġġiet ukoll sfida qawwija fuq il-bini li jospita mijiet ta’ persuni u li sfortunatament fuqu sar ftit li xejn investiment għal ħafna snin.
Fakkar ukoll l-effetti ta’ droga speċjalment dik sintetika, policies u liġijiet li wasal iż-żmien li jinbidlu u jirriflettu ż-żminijiet tal-lum, u l-bżonn li ssir differenza bejn priġunieri u reati differenti fost affarijiet oħra. “Pero jitolbu li filwaqt li hemm il-bżonn li s-sistema tkun dejjem aħjar, huwa essenzjali li ma mmorrux lura għal laissez-faire li kien hemm sa ftit taż-żmien ilu, għax fuq din is-sistema ma tibni l-ebda riabilitazzjoni.”
Semma wkoll bosta realtajiet li qal li ma raqdux fuqhom fejn anke ta eżempji ta’ x’sar fosthom liġi tal-electronic tagging biex proġett pilota jinfirex. “L-Oppożizzjoni, li tant kellha xi tgħid fl-aħħar jiem, lanqas biss daħlet sottomissjonijiet.”
Qal ukoll li daħlu fi ftehim u programm bla preċedent mal-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl biex jgħinu l-familji tal-priġunieri. “Tajna r-riżorsi u huma jaħdmu fil-libertà kollha.”
Apparti hekk semma li fl-aħħar jiem iddeċieda li minbarra l-inkjesta maġisterjali, li hemm obbligu legali li ssir ma’ kull inċident jew mewt ta’ priġunier, jaħtar bord biex jevalwa l-proċeduri interni tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, skont l-Att dwar l-Inkjesti.
Qal li dan il-Bord se jkun qed jiskrutinizza l-assessjar li jsir fil-ħabs fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-priġunieri kollha, ir-regoli tal-introduzzjoni fil-faċilità, il-miżuri tal-ħabs għall-prevenzjoni tas-suwiċidji, il-proċeduri dwar ir-riabilitazzjoni tal-priġunieri mill-vizzji, fost materji oħra. “Għażilt din it-triq għaliex nemmen li hemm bżonn li nistrieħu fuq opinjonijiet ta’ professjonisti fis-settur sabiex inkomplu ntejbu l-affarijiet.”
Temm billi qal li huwa lest li jaħdem ma’ kulħadd, inkluż ma’ dawk l-aktar kritiċi tas-sistema jew anke tiegħu personali.
“Fuq kollox b’mod li nħallu effetti pożittiv fuq is-soċjetà, ir-residenti tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin u l-ħaddiema. M’għandiex dubju li l-proċess ta’ titjib li nidejna u li se nkomplu nagħtu prijorita ikbar fi żmien li ġej iħalli l-frott”, temm jgħid Byron Camilleri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com