Fl-Italja Attakkata S-Sit Elettroniku Fejn Tibbukkja Biex Tieħu L-Vaċċin Tal-Covid-19
Hackers attakkaw is-sit elettroniku ta’ Lazio, fl-Italja, fejn iċ-ċittadini jistgħu jidħlu biex jagħmlu appuntament biex jieħdu t-tilqim kontra l-COVID-19.
Is-sit elettroniku ma kienx disponibbli għal diversi sigħat matul il-ġurnata tal-bieraħ, dan kien konfermat fuq il-midja soċjali mill-awtoritajiet Taljani.
Dan l-attakk fuq din is-sistema kien wieħed b’saħħtu ħafna u ma ppermettiex liċ-ċittadini milli jibbukkjaw appuntamenti għal vaċċin tal-Covid-19, kif ukoll għal servizzi oħra.
Skont midja Taljana, is-sit ġie attakkat minn hackers “ransomware”.
L-awtoritajiet qalu li bħalissa għaddejjin b’operazzjonijiet ta’ difiża u verifika biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ attakk ieħor kif ukoll jirkupraw dan l-attakk sabiex is-servizzi jkunu jistgħu jkomplu b’mod normali.
Dan l-attakk ġie wara diversi protesti fl-Italja kontra l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Ritratt: Euronews