Gvern Ġdid Nazzjonalista Iwiegħed Infrastruttura Adekwata Għall-Charging Ta’ Vetturi
“Dak li ħabbret dalgħodu l-Ministru Miriam Dalli ma hu xejn ġdid. Li ma qalitx Miriam Dalli hu kif se ssolvi l-problemi eżistenti, ma tat l-ebda indikazzjoni dwar il-mod kif ser issolvi l-problemi ta’ Charging ta’ vetturi, ma semmietx il-fatt li għad hemm ftit ħafna, u f’distanza ‘l bogħod minn xulxin.” Dan huwa dak li ntqal mill-Kelliem tal-PN għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Proġetti Kapitali David Thake fi stqarrija f’reazzjoni għal dak li ġie mħabbar aktar kmieni mill-Ministru Miriam Dalli.
David Thake kompla jgħid li ma jissemmiex il-mod kif se nedukaw aktar nies jirrispettaw l-użu ta’ dawn iċ-Charging Pillars, u l-anqas ma ssemma kif se jkun hemm titjib fil-mod kif jidhru fit-toroq.
“L-anqas ma semmiet il-problemi ta’ ħsarat li jeżistu llum fiċ-charging pillars u l-mod kif se tissolva din il-problema,” saħaq Thake.
Il-PN qal li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech iwiegħed infrastruttura adekwata għall-charging ta’ vetturi, li warajha jkun hemm sistema b’saħħitha ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. Ma’ dan ikun hemm ukoll rati ġusti li jinkoraġġixxu kemm lill-investituri privati u anke lill-poplu biex ikompli jinvesti f’din it-teknoloġija.
Il-Partit Nazzjonalisa sostna li mill-kliem il-Gvern għandu jgħaddi għall-fatti u verament jinvesti biex jaħtaf kull opportunitá li din it-tip ta’ ekonomija ġġib magħha.