“Ħu Ħsieb Iż-Żiemel Tiegħek, Żomm Saqajk Mal-Art U Tirnexxi” – Karl U Romina Bonaci Jiċċelebraw Suċċess Fil-Midja

 “Ħu Ħsieb Iż-Żiemel Tiegħek, Żomm Saqajk Mal-Art U Tirnexxi” – Karl U Romina Bonaci Jiċċelebraw Suċċess Fil-Midja

“Kien suċċess li kollna qed nistennewh għaliex bdejna nħossu li qed inkunu l-aktar programm segwit wara nofsinhar u nemmen u konvint, li aktar ma jgħaddi ż-żmien anke bħala stazzjon, ser niksbu aktar udjenza għaliex il-programmi li jkollna u s-suġġetti li jkollna speċjalment waqt F Living Show huma suġġetti li jilħqu lil kulħadd.”

Hekk qalilna Karl Bonaci meta tkellimna miegħu dwar ir-riżultat li nkiseb minn F Living Channel fl-aħħar stħarriġ li sar mill-Awtorità tax-Xandir li wera li ‘F Living Show‘ huwa l-aktar programm segwit wara nofsinhar.

Meta staqsejnieh kif jara l-andament tal-midja f’pajjiżna qalilna li qed jara progress u min kien tajjeb tjieb, però jaħseb li xorta waħda għad baqa’ ġafna biex nilħqu ċerti livelli. Dan fl-isfera li jrid ikollok ‘budget’ tajjeb, bħala Maltin aħna kapaċi nilħqu livell f’kollox anke meta mqabbla ma’ barra. Hawnhekk semma bħala eżempju l-festival tal-kanzunetta Maltija Mużika Mużika, fejn kien hemm ‘il fuq minn miljun ewro, urejna li kapaċi nużawhom tajjeb. Qal li jekk ikun hemm fondi biżżejjed anke b’sussidji tajbin, anke stazzjonijiet privati bħal F Living biex jibqgħu indipendenti, għandhom ikollhom xi tip t’għajnuna.

Semma kif lill-PBS, il-Gvern jissusidjah b’6 miljun ewro fis-sena u hu mhuwhiex kontra dan, anzi jekk hemm bżonn jingħataw anke iżjed basta ma jbiegħux riklami. Tenna magħna li TVM m’għandux bżonn ibiegħ riklami b’dak l-ammont ta’ flus li bihom qed ikun sussidjat mill-Gvern. “Biex b’hekk, il-kejk tar-riklamar, iħallieh għall-istazzjonijiet u l-midja indipendenti u hekk naħseb tkun fair.”

Fil-midja, Karl u Romina ilhom aktar minn 30 sena fejn għamlu l-ewwel programm jismu Potpourri fuq ONE, imbagħad għamlu VIP Quiz, u sensiela ta’ programmi ta’ kuljum fosthom; Friskanti, Kollox ma’ Kollox (Magazine shows) li għamlu snin għaddejjin bihom u mbagħad marru fuq NET TV għal 5 snin fejn għamlu Kollox Sibt bil-band u l-kantanti, żeffiena u oħrajn. Dan beda jsir wara nofsinhar u mexa għal filgħaxija. Kienu jagħmlu wkoll xogħol fuq MAX PLUS u anke fuq TVM. Bla dubju, jibqgħu jissemmew il-produzzjonijiet ta’ Ipokriti u ONE Star Hotel. Tenna magħna li għamlu ħafna ġid ma’ persuni li xtaqu jidħlu fil-midja u jħossuhom kuntenti li dejjem għenu lil ħaddieħor.

Fis-snin 80, kienu jagħmlu wkoll bosta kummiedji fuq il-palk ma’ bosta atturi rinomati fosthom Vitorin Galea. Kienu għamlu wkoll Żeża tal-flagship u hawn sellem lil Lino Grech li tant kien itiehom kuraġġ.

Meta staqsejnieh jgħaddi messaġġ għal dawk li forsi jaqtgħu qalbhom, qalilna: “Taqta’ qalbek qatt fid-dinja u kollox jirranġa ruħu. Is-saħħa hija l-iktar importanti u biex tasal fil-100 pass, trid tibda mill-ewwel pass.” Saħaq ukoll biex wieħed jew waħda ma jiffukax fuq iż-żiemel ta’ ħaddieħor għaliex tista’ titfixkel fiż-żarbun tiegħek stess.

Aħna minn Stradarjali.com, nirringrazzjaw minn qalbna lil Karl u Romina li dejjem tawna spazju lilna wkoll biex inwasslu l-vuċi tagħna. Dak kollu li qalilna Karl f’din il-komunikazzjoni, nixhduh aħna stess għaliex dejjem għenuna minn qalbhom u ta’ dan aħna grati. Awguri Karl u Romina.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com