“Id-Direct Orders Saru N-Norma Minflok L-Eċċezzjoni” – Il-PN
“Minkejja li normalment d-direct orders kienu jintużaw f’każijiet ta’ eċċezzjoni, illum saru in-normalitá, speċjalment f’aġenziji bħal Infrastructure Malta.” Hekk saħaq il-Kelliem għat-Trasport u Infrastruttura Toni Bezzina fi stqarrija wara li ġie ppublikat rapport li juri kif fl-ewwel sitt xhur tal-2021 intefqu €10.5 miljuni f’direct orders minn Infrastructure Malta.
Bezzina qal li din l-aħbar tkompli mas-sensiela ta’ aħbarijiet simili fl-aħħar xhur fejn turi n-nuqqas ta’ rieda mill-gvern u l-aġenziji tiegħu milli jaġixxu b’mod trasparenti.
“Wieħed għandu jirrimarka wkoll li l-proċedura ta’ direct order, jekk ma tintużax kif xieraq, toħnoq l-ispirtu ta’ kompetizzjoni bejn l-operatur: aspett li jsaħħaħ lill-industrija fejn il-ġid jasal għand kulħadd b’mod ġust,” tenna Tony Bezzina fl-istqarrija tiegħu f’isem il-PN.
Temm jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech iwiegħed li jkun hemm sistema li tħares li l-proċess ikun wieħed trasparenti u li jħalli l-kompetizzjoni fis-settur tikber u mhux joħnoq is-suq b’dan il-mod.