“Id-Drittijiet Tat-Tfal U Tal-Vittmi Tat-Traffikar Għandhom Jiġu Garantiti Mhux Biss Fuq Il-Karta Iżda Wkoll Fil-Prattika” – Il-PN

 “Id-Drittijiet Tat-Tfal U Tal-Vittmi Tat-Traffikar Għandhom Jiġu Garantiti Mhux Biss Fuq Il-Karta Iżda Wkoll Fil-Prattika” – Il-PN

“Fid-dawl tal-każ ta’ żewġ nisa li ġew mixlija l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet u li s-sejba ta’ ħtija tagħhom waslet għal terminu ta’ priġunerija u għalhekk it-tfal bogħod mill-ġenituri, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jordna lill-Ministru Michael Falzon u lill-Ministru Byron Camilleri ħalli flimkien jinvestigaw u jagħtu rendikont dwar jekk il-protokolli kollha għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-ħarsien ta’ vittmi ta’ traffikar ġewx imħarsa u segwiti f’dan il-każ.”

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-kelliema tal-Partit Nazzjonalista David Agius, Claudette Buttigieg kif ukoll Therese Comodini Cachia fejn qalu li dan il-każ iqajjem ħafna mistoqsijiet li jridu jkunu ċċarati.

Fosthom, xi rwol kellu d-direttorat tal-protezzjoni tat-tfal? X’tip ta’ kuntatt fundamentali hemm bejn it-tfal u ommijiethom? Ġew segwiti l-protokolli sabiex jiġi magħruf b’mod effettiv li l-ommijiet in kwistjoni u saħansitra t-tfal humiex vittmi tat-traffikar? Fost mistoqsijiet oħra li l-PN qed isaqsi.

Il-PN qed jgħid ukoll li ż-żewġ Ministeri, l-Ministru għas-solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, l-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, għandhom ukoll jinvestigaw jekk kienx hemm xi nuqqas fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal in kwistjoni u f’kull każ ieħor li involva tfal oħra, kif ukoll fir-rigward tal-ħarsien tal-protezzjoni lill-vittmi ta’ traffikar kemm kif allegatament setgħu kienu dawn iż-żewġ ommijiet u f’każijiet oħra li setgħu nvolvew vittmi oħra. “F’din l-investigazzjoni il-Ministeri huma mħeġġa jidentifikaw fejn kienu n-nuqqasijiet u jindirizzawhom b’miżuri effettivi.” Saħqu l-kelliema tal-PN.

Lis-stqarrija tikkonkludi li l-PN jħeġġeġ lil kull entitá eżekuttiva tal-iStat li hija konnessa ma dan il-każ sabiex jassiguraw li d-drittijiet tat-tfal in kwistjoni qegħdin jiġu mħarsa bl-aktar mod effettiv, u sabiex jiġi investigat b’mod effiċjenti u malajr jekk l-ommijiet humiex vittmi ta’ traffikar ħalli jingħataw minnufih il-protezzjoni meħtieġa jekk jinstab li huma hekk.

Ritratt: euractiv.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com