Iffirmat Ftehim Bejn Il-Ministeru U L-MUT Għan-Nom Tan-‘NSSS’

 Iffirmat Ftehim Bejn Il-Ministeru U L-MUT Għan-Nom Tan-‘NSSS’

Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Malta Union of Teachers (MUT), 61 professjonist li jagħtu servizzi ta’ appoġġ lill-istudenti fl-iskejjel tal-gvern se jgawdu minn titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u allowances ġodda. Dan il-ftethim jieħu wkoll ħsieb il-progress fl-iskala għal dawk li jġibu l-kwalifikazzjonijiet.

“Ninsabu fi proċess biex b’mod ħolistiku ntejbu s-settur edukattiv, mhux lanqas permezz ta’ ħidma u diskussjonijiet mal-MUT fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi u l-ħaddiema ta’ dan is-settur”, stqarret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, qabel ma ġew iffirmati żewġ ftehimiet innegozjati mal-MUT.

“Illum iffirmajna ftehim importanti ħafna, li jirrigwarda n-National School Support Services, li huma l-qalba u r-ruħ tas-settur edukattiv, għaliex huma dawk is-servizzi li nagħtu lil tfal vulnerabbli u lill-familji tagħna. Qed naraw kif fost ir-riformi kbar li qed nagħmlu qed nitfgħu ħarsitna b’mod speċjali fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna. Il-ġimgħa l-oħra tajna ħarsa lejn il-kundizzjonijiet tal-għalliema, tal-KGEs, l-LSEs, l-edukaturi, illum ta’ dawn il-professjonisti partikolari, u bħalissa għaddejjin ukoll taħdidiet dwar il-progressjoni tal-Learning Support Educators, kif ukoll biex nindirizzaw l-anomaliji li għandhom is-supply teachers. Għalhekk, bħala ministeru, filwaqt li qegħdin nikkonċentraw fuq kontenut akkademiku għal uliedna, qegħdin ukoll naraw li dawk li huma responsabbli mit-tħaddim ta’ dawn l-istrateġiji jkunu wkoll parteċipi fil-ħidma tagħna b’kundizzjonijiet li verament jixirqilhom”, kompliet il-ministru.

Il-ftehim kien konkluż wara xhur ta’ ħidma, negozjati intensivi u diskussjonijiet li wasslu għal qbil bejn il-partijiet involuti, filwaqt li huwa b’effett lura mill-1 ta’ Jannar tal-2019 u jkopri sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2023. L-iffirmar tal-lum kien ta’ Ftehim Settorali u Memorandum ta’ Ftehim li se jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjegati preżenti u wkoll dawk li għad jidħlu fis-servizzi għall-istudenti.

Il-President tal-Malta Union of Teachers Marco Bonnici stqarr li, “L-istruttura għal dawn il-gradi ħloqniha fl-2015, u dan il-ftehim jikkonsolida u jsaħħaħ din l-istruttura. Dan huwa ftehim importanti u jkopri gradi essenzjali li jagħtu numru ta’ servizzi fl-iskejjel. Fih titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pakkett finanzjarju u progressjoni aħjar u aktar ċara. L-MUT tirringrazzja lill-membri tas-sapport matul in-negozjati, li f’diversi fażijiet kien diffiċli sakemm wasalna għal qbil.”

Il-ftehim kien iffirmat minn Marco Bonnici u uffiċjali oħra għan-naħa tal-MUT, u Frank Fabri għan-naħa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com