Il-61 Edizzjoni Tal-Yachting Malta – Syracuse Race Ser Ssir Nhar Is-Sibt

 Il-61 Edizzjoni Tal-Yachting Malta – Syracuse Race Ser Ssir Nhar Is-Sibt

It-tellieqa offshore minn Sirakuza għall-Malta hija waħda mill-eqdem tlielaq tal-Mediterran. Imnissla fl-1952, minn John Illingworth, baħri famuż fin-Navy Ingliża, l-isem ta’ din it-tellieqa inkitbet fl-istorja tal-baħar Mediterran.

Ko-ospitata mir-Royal Malta Yacht Club u l-Lega Navale Italiana (Sezione di Siracusa), it-tellieqa dejjem laqgħet dgħajjes mill-Italja u minn Malta, kollha ħerqana li jtellqu f’ambjent ta’ ħbieberija iżda b’element kompetittiv. Il-popolarità tagħha hija tali li l-maġġoranza tad-dgħajjes parteċipanti jirritornaw kull sena.

S’issa Malta se tkun irrappreżentata minn disa jottijiet, fosthom se jkun ir-rebbieħ tas-sena l-oħra l- HH42 “Artie II” ta’ Lee Satariano. Dgħajjes oħra Maltin jinkludu Alecto (Charles Cronin), Calypso (RLR Yachting), Corona (Sara Baldwin / Luis Azzopardi), Fekruna (Kevin Dingli), Janissah (Mario Debono), Otra Vez (Aaron Gatt Floridia) u Ton Ton Laferla (Jonathan Gambin).

Sa mill-bidu nett, Malta pproduċiet wieħed u għoxrin rebbieħ. Il-kaptan bl-iktar rebħiet jibqa John Ripard (1968 – Tai Lux, 1969 & 1970 – Tikka). Għal perjodu ta’żmien – mill-1987 sal-2002, deher li t-trofew kien destinat li jibqa’ l-Italja, madankollu fl-2003 “Strait Dealer” ta David Franks ġab it-trofew lura lejn Malta. Minn dakinhar il-jottijiet Maltin – Juno (Sonke Stein), Otra Vez, Elusive 2 (Aaron, Christoph u Maya Podesta) u Artie III niżżlu isimhom fuq it-trofew prestiġjuz.

Min-naħa Taljana, wieħed jistenna kompetizzjoni iebsa minn flotta magħmula minn jottijiet li jikkompetu regolarment, bħal Ottovolante, Hyperion of Turku, Meltem, Mizzica u Malafemmina.

Il-bidu tat-tellieqa talterna kull sena, għalhekk, nhar is-Sibt 4 ta ’Settembru, il-flotta tal-Yachting Malta – Syracuse Race li issa ġiet mtawla fuq distanza ta’110 mili nawtiku ser titlaq minn Sirakuza u tispiċċa fir-Royal Malta Yacht Club f’Ta’Xbiex.

Din is-sena l-korsa ġiet kemmxejn modifikata. Żdiet id-distanza u l-limitu tal-ħin, li jippermettilha tkun inkluża għall-punti tal-klassifikazzjoni fil-Lega Navale Italiana FIV Offshore Trophy (Trofeo d’Altura).

L-isponsors tat-tellieqa Yachting Malta, li ilhom jappoġġjaw it-tellieqa mill-2019, se jkunu qed jorganizzaw serata ta’għoti ta’ premijiet għall-parteċipanti fir-Royal Malta Yacht Club nhar il-Ħadd 5 ta ’Settembru.

 

Ritratt: RMYC/ Alex Turnbull

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com