Il-Fondazzjoni Logħob Responsabbli B’Ħidma Fil-Komunità Tal-Imtarfa
Dalgħodu Fondazzjoni Logħob Responsabbli (RGF) ppreżentat materjal ta’ taħriġ lill-Imtarfa Football Club Youth Nursery bħala parti mill-ħidma tagħha fil-komunità favur il-ħolqien ta’ kuxjenza li żżomm liż-żgħażagħ ‘il bogħod minn vizzji relatati mal-logħob tal-azzard u logħob ieħor. Madwar 70 tifel u tifla Mtarfin se jibbenefikaw minn tisħiħ fit-taħriġ tagħhom. Din l-għotja saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il-Manager Ġenerali tal-RGF is-Sur Kevin O’Neill u l-President tan-Nursery, is-Sur Simon Spiteri, li min-naħa tiegħu f’isem il-klabb u l-ġenituri tat-tfal, irringrazzjahom ta’ din l-għajnuna. Ġest li, fi kliem is-Sur Spiteri, se jkompli jgħinhom fit-tisħiħ ta’ iżjed materjal fil-lezzjonijiet tat-taħriġ tal-futbol għat-tfal Imtarfin.
Il-Ministru Schembri saħaq fuq il-ħidma sfiqa li hemm għaddejja mill-RGF biex it-tfal u ż-żgħażagħ jagħrfu jagħmlu distinzjoni bejn il-kunċett ta’ logħob responsabbli, użu eċċessiv tal-internet u logħob patoloġiku, biex b’hekk issir prevenzjoni ta’ mġieba li tista’ twassal għall-elementi marbutin mal-vizzju tal-logħob tal-azzard, hekk imsejħa loot boxes – mekkaniżmu fejn in-nies jonfqu l-flus fuq iċ-ċans żgħir li jirbħu premjijiet, screentime – l-ammont ta’ ħin mgħoddi bl-użu ta’ apparat bi screen bħal smartphones, jew skin gambling, li huwa l-użu ta’ oġġetti virtwali, biex bihom jagħmlu mħatri fuq ir-riżultat ta’ logħbiet professjonali jew fuq logħob ieħor tal-azzard.
Il-Ministru żied jgħid kif filwaqt li l-gaming għandu numru ta’ elementi pożittivi, fosthom it-tħaddim tal-intellett, huwa importanti għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li jkunu attivi fi klabbs bħal dawk sportivi, kif ukoll fil-komunitajiet tagħhom, biex b’hekk iżommu l-ħajja soċjali tagħhom b’saħħitha.
B’dan l-għan, spjega kif il-fondazzjoni se ssaħħaħ il-ħidma tagħha sabiex tgħin organizzazzjonijiet simili jsaħħu s-servizz ta’ attività fiżika pprovdut lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Dan filwaqt li jingħadda l-messaġġ fost il-ġenituri dwar l-importanza tal-bilanċ fit-tqassim tal-ħin ta’ uliedhom f’attivitajiet differenti għall-aqwa formazzjoni tal-karattru.
Min-naħa tiegħu, il-Manager Ġenerali tal-RGF is-Sur Kevin O’Neill tkellem dwar l-importanza li dan it-tip ta’ logħob ma jsirx l-unika prijorità fil-ħajja ta’ uliedna u jieħu preċedenza fuq l-istudju u l-ħajja soċjali tagħhom. Spjega kif wieħed mill-għanijiet tal-fondazzjoni hija li tipprovdi protezzjoni edukattiva għal dawk żgħar fl-età u l-vulnerabbli.
Ritratti: DOI