“Il-Gvern Irid Juri Kif Se Jinvesti €9 Miljun Mill-Aktar Fis Fil-Biedja Maltija” – Il-PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħarġu l-Membri Parlamentari Edwin Vassallo u Kevin Cutajar awgura r-risq lill-bdiewa li gawdew minn fondi Ewropej sabiex jkomplu jipproduċu l-prodott Malti bnin u frisk. “Dawn il-bdiewa rnexxielhom jġibu l-fondi minkejja l-burokrazija fl-applikazzjonijiet li jeħtieġ tiġi simplifikata biex nippermettu li ħafna aktar bdiewa jaċċessaw fondi Ewropej.”
Il-Kelliem għall-Agrikoltura u l-Kelliem għall-Fondi Ewropej qalu li l-Gvern u s-Segretarju Parlamentari ftit li xejn għandhom biex jiftaħru b’investimenti bħal dawn li ġew bis-saħħa tal-pakkett ta’ fondi fuq seba’ snin tal-amministrazzjoni Nazzjonalista. Huma saħqu li l-Gvern issa jeħtieġ juri l-viżjoni tiegħu biex Malta tinvesti €9 miljun mill-aktar fis fil-biedja Maltija biex tirkupra mill-effetti tal-pandemija.
“Dawn huma fondi li pajjiżi oħra diġa’ bdew jonfqu sa minn Lulju u li Malta għadha lanqas biss tat ħjiel kif ser jintefqu, tant hu hekk li ma jissemmewx fil-pjan ta’ rkupru mressaq mill-Gvern,” tennew il-kelliema tal-PN.
Vassallo u Cutajar sostnew li barra minn dan il-Gvern għadu jrid iniedi proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jinvolvi wkoll għaqdiet ta’ bdiewa biex jaraw kif ser jonfqu b’mod strateġiku il-190 miljun fondi Ewropej allokati għal-perijodu 2021-2027.
Huma qalu li dawn jeħtieġ jiġu investiti b’mod li jindirizzaw ukoll fil-ħoloq dgħajfa fil-produzzjoni u l-marketing tal-prodott Malti.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li ser ikompli jkun il-vuċi tal-bdiewa, raħħala, sajjieda u dawk li jitimgħu lill-familji tagħna billi jressaq proposti dettaljati f’dan is-settur ukoll.