“Il-Gvern Kien Mehdi Fl-Electrogas U Nesa L-Infrastruttura Primarja Tal-Enemalta” – Il-PN
“Bħal ma nnotaw ħafna li ntlaqtu direttament, fl-aħħar ġimgħat qed jinqata d-dawl f’diversi lokalitajiet. Fil-mument meta il-familji l-iktar kellhom bżonn elettriku stabbli, il-Gvern tahom minflok id-dlam u s-sħana.” Hekk qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus f’stqarrija llum.
Ryan Callus qal li r-raġuni ta’ dan kollu hija għaliex il-Gvern Laburista kien kkonċentrat fuq l-Electrogas u traskura d-distribuzzjoni tal-elettriku fid-djar.
“Bħala fatt, il-Labour nefaq inqas flus fuq l-upgrade tad-distribuzzjoni f’dawn l-aħħar sentejn minn kemm Konrad Mizzi ħafer miljuni f’taxxi lill-Electrogas.” Saħaq Ryan Callus.
Il-PN qal li “llum nafu li l-Labour qed iċċaħħadna minn roħs fil-kontijiet għaliex ma nistgħux nixtru mill-interconnector kull meta jkun irħas. Nafu wkoll li l-proġett tal-Electrogas kien il-motiv ewlieni li ħammret wiċċ Malta bir-rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”
Il-Kelliem tal-PN Ryan Callus kompla jgħid fl-istqarrija li pajjiżna ra żieda sostanzjali fl-aħħar tmien snin fil-popolazzjoni, li ġabet żieda fil-postijiet ta’ akkomodazzjoni. “Il-faqar fil-politika tal-Labour illum huwa iktar car minn qatt qabel, għaliex ma ippjanax għal din iż-żieda bl-investimenti neċessarji biex is-sistema ta’ distribuzzjoni tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda. Wieħed irid jinnota li din is-sitwazzjoni seħħet meta t-turiżmu f’pajjiżna mhuwiex fl-aqwa tiegħu minħabba l-imxija tal-pandemija. Wieħed allura jrid jistaqi: x’kien jiġri kieku dan kien staġun turistiku normali?” Tenna jgħid Ryan Callus.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jrid jassigura li ebda omm ma jkollha tispiċċa tfittex il-frisk matul il-lejl għat-tarbija tagħha fl-arja kkundizzjonata tal-karozza tagħha. Din mhijiex kwalità ta’ ħajja li tagħmilna l-aqwa fl-Ewropa u li jaspira għaliha l-Partit Nazzjonalista.