“Il-Gvern Qed Ikompli Jqanċaċ U M’Hux Qed Jiddedika Riżorsi Adekwati Lill-Qrati Tagħna” – Il-PN

 “Il-Gvern Qed Ikompli Jqanċaċ U M’Hux Qed Jiddedika Riżorsi Adekwati Lill-Qrati Tagħna” – Il-PN

“Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa u l-Gvern għadu ma rreaġġixxiex għall-kummenti dwar il-qagħda mwiergħa fil-Qrati tagħna tal-Imħallef Francesco Depasquale, il-president tal-Għaqda ta’ Mħallfin u Maġistrati.”

Fi stqarrija il-Kelliem għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Joe Ellis qal li l-Imħallef Depasquale kkonferma dak kollu illi l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tgħid fir-rigward tan-nuqqas ta’ riżorsi umani fil-Qrati. Huwa qal li dan n-nuqqas qiegħed jimmina l-effiċjenza ta’ din l-istituzzjoni li hija kritika għas-sistema demokratika tagħna. Il-PN qal ukoll li l-Parlament qed jgħabbi lill-ġudikatura b’piżijiet ġodda ukoll bħalma ġara fil-liġi li għada kemm għaddiet tal-kera, “il-Gvern qed ikompli jqanċaċ u m’hux qed jiddedika riżorsi adekwati lill-Qrati tagħna.  M’hux biss in-numru ta’ ġudikanti m’hux biżżejjed iżda l-ġudikanti m’għandhomx l-assistenza meħtieġa minħabba nuqqas akut ta’ mpjegati,” saħaq il-PN.

Joe Ellis fl-istqarrija f’isem il-PN qal ukoll li l-Imħallef Depasquale kkonferma ukoll illi l-qagħda fil-Qrati tagħna, “minflok ma marret għall-aħjar kif wieħed kien jistenna, marret għall-agħar kemm ilha li twaqfet l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti.” Ntqal li bit-twaqqif ta’ din l-Aġenzija żdied il-proċessi burokratiċi kif ukoll mhux qed isir użu adekwat tal-għodda diġitali biex tiżdied l-effiċjenzja tar-Reġistru. “In-nuqqas li jiġi konkluż ftehim kollettiv mal-impjegati tal-Aġenzija qiegħed ukoll ikun ta’ xkiel sabiex jiġu ngaġġati l-impjegati meħtieġa,” tenna jgħid Joe Ellis.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li filwaqt li l-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni quddiem din is-sitwazzjoni, tenna li hu kommess illi Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jassigura użu aħjar tal-fondi pubblici u jiddedika r-riżorsi kollha meħtieġa għat-tħaddim effiċjenti tal-Qrati biex inaqqas id-dewmien li l-poplu jsofri minħabba l-qagħda xejn feliċi li jinsabu fiha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com