“Il-Ħabs Ma Jibqax Isakkrek U Jarmi Ċ-Ċavetta…” – 100 Idea Għar-Riforma Fil-Ħabs

 “Il-Ħabs Ma Jibqax Isakkrek U Jarmi Ċ-Ċavetta…” – 100 Idea Għar-Riforma Fil-Ħabs

“Il-ħabs ma jibqax isakkrek u jarmi ċ-ċavetta, imma jkun iċ-ċavetta biex inti timrah f’orizzonti ġodda kif jixraqlek,” dan huwa l-kliem li jiftaħ bih id-dokument b’100 idea li qed jipproponi għar-riforma fil-ħabs il-Professur Andrew Azzopardi li kiteb b’konsultazzjoni ma’ Peppi Azzopardi.

Fost il-100 proposta li jinsabu f’dan id-dokument wieħed isib li d-Direttur Ġenerali tal-Ħabs għandu jinħatar b’kuntratt ta’ 3 snin li jiġi kkonfermat kull sena, bi qbil bejn iż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Proposta oħra tgħid li l-Ħabs għandu jkun taħt il-Ministeru responsabbli mill-politika soċjali, jgħidu li għandhom fiduċja għamja fil-Ministru Michael Falzon.

Il-Professur Andrew Azzopardi u Peppi Azzopardi f’proposta oħra qed jissuġġerixxu li jinħoloq ombudsman għall-ħabs li għandu jinħatar bi qbil bejn iż-żewġ terzi tal-kamra. Xogħol l-ombudsman għandu jkun li janalizza l-ilmenti, jinvestiga allegati ta’ moħqrija, l-imwiet, suwiċidju kif ukoll jisma’ lill-familjari.

Qed jgħidu wkoll li l-bini tal-ħabs preżenti għandu jingħalaq fi żmien sentejn u tinbena faċilità ġdida, b’ċelel moderni li jkollhom veduta, arja tajba, aktar spazju u bil-kumditajiet kollha kif hemm f’pajjiżi ċivilazzati. L-uniformijiet tal-priġunieri għandhom jitneħħew ukoll u tidħol fis-seħħ kodiċi tal-ilbies. Għandha wkoll tiġi nstallata sistema ta’ arja kondizzjonata fil-ħabs.

F’dan id-dokument qed jgħidu wkoll li għandha titneħħa kull tip ta’ tortura, kif ukoll titneħħa kull tip ta’ għodda fosthom is-siġġu u s-sodda tat-tortura. L-uffiċjali għandhom jiġu mħarrġa f’physical restraint mingħajr użu ta’ forza u mingħajr użu t’armi. Is-sentenza ta’ għomor il-ħabs għanda titneħħa wkoll kif ukoll min għandu ċerta età jew mard kroniku għandu jiġi rilaxxat mill-Ħabs.

Fost aktar proposti l-Professur Andrew Azzopardi u Peppi Azzopardi qed jgħidu li l-Gvern għandu jsib impjieg lil kull priġunier eżatt kif joħroġ. Il-Gvern għandu jkun eżemplari fl-impjieg ta’ dawn il-persuni. Għandhom jingħataw ukoll inċentivi lil min jimpjega lil eks-priġunieri u multi lil min jiddiskrimina kontrihom.

Qed jipproponu wkoll li għandha ssir diskussjoni urġenti fil-Parlament, il-ħabs għandu jkollu protokolli varji, fosthom għall-kura tas-saħħa mentali, filwaqt li r-rijabilitazzjoni għandha titfassal fuq il-mudell tar-RISE.

Dawn huma ftit mil-punti fost 100 idea li hemm f’dan id-dokument li sar mill-Professur Andrew Azzopardi flimkien ma’ Peppi Azzopardi

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com