Il-Kamra Tal-Kummerċ B’Rakkomandazzjonijiet Rigward Strateġija Nazzjonali Dwar L-Impjiegi

 Il-Kamra Tal-Kummerċ B’Rakkomandazzjonijiet Rigward Strateġija Nazzjonali Dwar L-Impjiegi

“In-negozji qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema u diffikultajiet fir-rigward tal-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin, kif ukoll, żieda fl-impjegati maċ-Ċivil. Dan qed iwassal għal kompetizzjoni akbar għal ħaddiema f’suq li diġà huwa ristrett” – qalet Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ.

Il-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat ir-rakkomandazzjoniet tagħha fuq Strateġija Nazzjonali dwar l-Impjiegi wara kollaborazzjoni ma’ RSM Malta matul konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Impjiegi, Taħriġ u l-Intrapriża Jason Azzopardi, fost l-oħrajn.

It-tema ċentrali tar-rakkomandazzjonijiet huma biex jiżdiedu, jiġu attirati, jinżammu u jiġu mħarrġa ħaddiema sabiex tiżdied il-produttivita u jiżdied il-valur miżjud fix-xogħol li jagħmlu. Id-dokument preżentat jidentifika erba’ sfidi prinċipali li għaddejja minnhom l-industrija bħalissa, jiġifieri:

  • Parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol permezz ta’ żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa, promozzjoni ta’ anzjanita’ attiva u azzjoni ffukata fuq dawk li jitilqu s-sistema edukattiva kmieni;
  • Jiġi indirizzat id-distakk bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tal-industrija permezz ta’ inċentivi favur taħriġ u titjib fil-ħiliet eżistenti;
  • Jigi attirat u mantnut talent lokali u barrani li jimla dan id-distakk bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tal-industrija fis-suq lokali;
  • Tittejjeb il-produttivita’ u l-valur miżjud tal-ħaddiema billi jiġi ndirizzat n-nuqqas ta’ ingaġġ f’setturi speċifiċi.

Dawn l-isfidi u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-Kamra tal-Kummerċ ġew speċifikament identifikati sabiex jindirizzaw defiċjenzi fl-immedjat u fil-futur qarib. B’kollox il-Kamra tal-Kummerċ ippubblikat 56 rakkomandazzjoni tanġibli mqabbla ma’ 48 miżuri kwalifikati għall-assessjar tal-implementazzjoni.

Fil-kummenti konklussivi tagħha, Marthese Portelli, CEO tal-Kamra tal-Kummerċ qalet “Il-proposti tanġibbli li għadna kemm ppubblikajna bħala Kamra tal-Kummerċ għandhom jiġu meħudha bis-serjeta’ mill-politiċi u minn dawk li jgħinu fit-tfassil tal-politika, għandhom jiġu studjati fid-dettal li eventwalment iwassal għat-tfassil tal-pjan ta’ azzjoni. Il-Kamra tal-Kummerċ ser toffri l-assistenza tagħha lejn l-implementazzjoni ta’ dan il-pjan sabiex pajjiżna jsir aktar kompetittiv u jibni ekonomija li tkun sostenibbli u ffukata fuq in-nies”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com