Il-Knisja Bi Proġett Ġdid Li Se Jgħin Liż-Żgħażagħ Tal-Isla

 Il-Knisja Bi Proġett Ġdid Li Se Jgħin Liż-Żgħażagħ Tal-Isla

L-Arċidjoċesi ta’ Malta, permezz tal-Fondazzjoni għall-Opri Soċjali, applikat u ngħatat il-fondi tal-Unjoni Ewropea biex tmexxi proġett soċjali għaż-żgħażagħ tal-Isla. L-għan ewlieni tal-proġett hu li jħeġġeġ u jagħti l-għodda meħtieġa lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ ta’ bejn 12 u 19-il sena, sabiex ikollhom esperjenzi pożittivi u opportunitajiet ġodda permezz ta’ programmi ta’ taħriġ.

Dan il-proġett b’investiment ta’ €86,000, li 80% ser jiġu ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fil-Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina fl-Isla. Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, mill-Arċipriet tal-Isla Dun Robin Camilleri u miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Opri Soċjali tal-Arċidjoċesi Albert Debono.

Bħala parti minn dan il-proġett li se jservi wkoll ta’ mudell għal parroċċi oħra, se ssir riċerka xjentifika fost iż-żgħażagħ fl-Isla biex mir-riżultati miksuba jiġu mfassla korsijiet ta’ għarfien, snajja u mużika. Dawn il-programmi differenti ta’ taħriġ se jgħinu liż-żgħażagħ jagħtu kontribut lill-komunità tal-Isla u l-Kottonera, inkluż bil-volontarjat u bil-parteċipazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet soċjali. Dan it-taħriġ se jgħinhom ukoll jikbsu ħiliet ta’ management u komunikazzjoni, filwaqt li jiġu offruti wkoll għajnuna relatata mal-edukazzjoni u x-xogħol.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross, qal li permez ta’ dan il-proġett li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, il-parroċċa se toffri lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tal-Isla spazju fiżiku biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Qal ukoll li f’dan l-istadju kruċjali ta’ ħajjithom, id-diversi programmi ta’ taħriġ se jgħinuhom jibnu aktar kunfidenza fihom infushom u jiksbu ħiliet tant importanti fid-dinja tal-lum.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett qed isir b’investiment totali ta’ €86,000, li €68,000 minnhom ġejjin minn fondi Ewropej. Spjega li permezz ta’ dan il-proġett, madwar 40 żgħażugħ li jgħixu fl-Isla ser jipparteċipaw fi program ta’ taħrig li ser jipprovdilhom ħiliet tal-ħajja, għarfien u kompetenza li tippermettilhom jikkontribwixxu għall-ħajja tal-komunità fiż-żona tal-Kottonera.

Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-proġett huwa prova ċara tal-viżjoni ewlenija tal-gvern, fejn in-nies li qed jaffaċċaw diffikultajiet jingħataw l-għajnuna meħtieġa sabiex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Albert Debono, f’isem il-Fondazzjoni għall-Opri Soċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qal li minħabba r-realtà soċjali tal-Kottonera, l-adolexxenti mill-Isla ta’ spiss jiltaqgħu ma’ sfidi li jirriflettu wkoll fl-impenn tagħhom f’attivitajiet soċjali, edukattivi u vokazzjonali.

Qal li huwa għalhekk li dan il-proġett tal-Knisja, li qed isir flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, se jgħin fit-tisħiħ tal-komunitajiet tagħna sabiex ikollna soċjetà b’saħħitha.

L-Arċipriet tal-Isla, Dun Robin Camilleri, qal li minkejja li l-ibliet tal-Kottonera u l-madwar huma magħrufa għar-riskju għoli ta’ faqar u esklużjoni soċjali, dan iċ-ċentru fil-parroċċa tal-Isla se joffri spazju sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ jiltaqgħu, jitgħallmu, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, u jħossuhom parti minn soċjetà inklussiva.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com